Filmat: “L-iskema tal-IIP qed issalva l-impjiegi” – Abela

PL

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li l-iskema taċ-Ċittadinanza b’investiment għenet sabiex jiġu salvati x-xogħlijiet. Hu qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista.

Abela tkellem dwar il-kwerela fuq l-allegazzjonijiet dwar l-inċident li jinvolvi l-ekwipaġġ tal-patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta P52, il-politiki l-ġodda tal-ambjent li ħarġu fl-aħħar ġimgħat, it-talba għall-applikazzjonijiet għall-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija li se jinħatar b’metodu ġdid u l-imxija tal-coronavirus.

Mistoqsi dwar id-diskussjonijiet kurrenti mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fuq l-iskema tal-IIP (Ċittadinanza b’Investiment), Abela sostna li ċ-ċittadinanza ta’ pajjiż taqa’ taħt il-kompetenza tal-istat. Qal li l-Unjoni Ewropea m’għandha l-ebda ġurisdizzjoni fuqha. Hu ddefenda l-programm u qal li l-investiment iġġenerat mill-programm qed jintuża fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jkabbru l-ekonomija u jissalvagwardjaw l-impjiegi.

Abella insista li l-gvern ma kienx se jkun jista’ jħabbar il-miżuri finanzjarji li hemm bħalissa li kieku mhux għall-IIP. Hu ddeskriva l-programm kurrenti bħala wieħed robust imma tenna li l-gvern lest li jirrevedi l-programm u mhux ineħħieh. Hu żied jgħid li Malta għandha sistema ta’ due diligence tajba u applikanti li ma ngħatawx passaport hawn fittxew li jiksbu passaport f’ġurisdizzjonijiet oħrajn.

Il-Prim Ministru kkumpara l-mod kif l-UE qed iġġib ruħha ma’ Malta fuq l-immigrazzjoni u l-iskema. Innota li filwaqt li l-immigrazzjoni hija taħt kompetenza tal-Unjoni Ewropea, il-fruntieri tal-istati mhumiex.

“Minflok ngħidulhom grazzi, inpoġġuhom f’inkjesta li tista’ titfagħhom għomorhom il-ħabs”

Il-Prim Ministru Robert Abela wera d-dispjaċir tiegħu għall-mossa fil-konfront tiegħu, tal-Brigadier u tas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta. Qal li din il-mossa “ta’ Jason Azzopardi” ġiet appoġġjata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Qal li Delia kellu opportunità li jiddistakka ruħu minnha, iżda li minflok għamel tiegħu l-mod kif mexa Azzopardi.

Il-kwereli ġew sottomessi mill-għaqda Repubblika fejn il-MP tal-PN Jason Azzopardi ffirma fil-kapaċità tiegħu bħala avukat tal-NGO. Wara kritika, hu kien irtira r-rappreżentanza tiegħu biex jelimina lok għal kunflitt ta’ interess.

“Din hija azzjoni kompletament inġusta, f’mument meta tant qed jaħdmu għall-ġid ta’ pajjiżna. Salvaw ’il fuq minn 13,000 ħajja f’maltempati u f’ċirkostanzi mijiet ta’ mili ’l bogħod minn pajjiżna. Minflok ngħidulhom grazzi, inpoġġuhom f’inkjesta li tista’ titfagħhom għomorhom il-ħabs.”

Il-Prim Ministru kompla jispjega li hija kompletament inaċċettabbli li xi ħadd imur jikteb lill-Kummissarju tal-Pulizija u jagħmel denunzja ta’ qtil volontarju mingħajr fatti f’idu. Qal li l-inkjesta maġisterjali bdiet, hu ssottometta lilu nnifsu għand il-Pulizija biex isiru l-investigazzjonijiet neċessarji u l-istess se jagħmel quddiem il-Maġistrat inkwerenti meta jsejjaħlu biex jixhed.