Filmat: “Iċ-Childcare Centres u SkolaSajf se jiftħu” – il-PM

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal fis-sett ta’ miżuri li jmiss se jkunu qed jiftħu ċ-childcare centres u tiftaħ ukoll SkolaSajf.

F’intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, huwa qal li dan ifisser li diversi ġenituri jkunu jistgħu jmorru lura għax-xogħol. Qal li l-miżuri ta’ teleworking se jibqgħu hemm ukoll. Qal li wieħed irid jifhem li rridu mmorru lura għall-ħajja normali tax-xogħol. Qal li l-pubbliku ma jridx ikollu l-mentalità li jibqa’ d-dar u jirċievi l-wage supplement ta’ €800 biss.

Fl-istess intervista qal li l-poplu u l-Gvern irnexxielu joħroġ malajr mill-Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika li kienet iddikjarata f’April li għadda.

Qal li bħalissa huwa pożittiv u ottimist, imma wkoll oġġettiv. Qal li din kienet il-pożizzjoni tal-Gvern f’dan il-perjodu diffiċli fil-pajjiż. Qal li l-pajjiż qed jaffaċċja xi ħaġa li d-dinja kollha qatt ma kienet rat qabel.

Abela insista li hemm id-dawl wara d-dlam. Qal li ma jridx jitkellem fuq il-pożittività imma fuq l-oġġettività. Qal li issa rridu nitkellmu fuq ir-ritorn lejn in-normal. Qal li l-Ġimgħa filgħodu kulħadd qal “għall-erwieħ”.

Abela qal li s-saħħa u l-ekonomija tista’ tħares lejhom bħala affarijiet separati, iżda dawn iridu jaħdmu flimkien. Qal li mingħajr ekonomija b’saħħitha ma jistax ikollok sistema tas-saħħa b’saħħitha. Insista li l-mod kif il-pajjiż antiċipa u pprepara għall-eventwalità li f’Malta jidħlu l-każijiet, dan affettwa biex illum il-pajjiż ikun fuq quddiem nett biex ineħħi l-miżuri restrittivi.

Hu kompla jgħid li hemm sens ta’ fiduċja fin-nies u mimljin kuraġġ. Qal li jidher li n-nies lesti li jaddattaw għall-miżuri u prekawzjonijiet li huma intenzjonati biex iħarsu s-saħħa tal-pubbliku u fl-istess waqt restorant ikun jista’ jopera. Qal li t-tama tiegħu ikun li skont kemm jidħlu riżultati pożittivi, il-miżuri restrittivi jkunu jistgħu jiġi rilaxxati.

“Għal kull miżura restrittiva li neħħejna hemm xjenza warajha li tippermetti li jsir dan,” insista Abela.

Il-Prim Ministru baqa’ jirsisti li l-mewġ qiegħed fil-baħar. Qal li mis-7 ta’ Mejju sal-lum, il-pajjiż żied it-testing u r-rata ta’ każijiet pożittivi baqgħet tonqos. Qal li issa, ir-rata niżlet għal 0.6% minn 0.7%. Qal li fil-ġimgħat preċedenti din ir-rata kienet ta’ 2.7%, u b’hekk irrimarka li l-miżuri restrittivi ħadmu u wasslu biex ir-rata tonqos.

Dwar iż-żjarat tal-qraba lill-anzjani tagħhom li kienu rekoverati fid-djar tal-Gvern, Abela qal li kienet miżura li kienet meħtieġa li tittieħed biex ikunu ssalvagwardjati l-anzjani. Qal li meta s-sitwazzjoni fil-pajjiż bdiet titjieb, il-mistoqsijiet li bdew isiru kien meta se jkunu qed jitħallew iżuru lill-anzjani. Qal li minn għada se jkun hemm rilassament fejn jidħlu miżuri għal dawn iż-żjarat b’mod prudenti.

Abela qal li llum jagħmel sens li jibqgħu jkunu protetti l-vulnerabbli. Qal li minn għada se jkunu qed jaraw li jipproteġu lill-anzjani imma wkoll jirrikonoxxu li hemm uġigħ ieħor. Spjega li l-pubbliku se jkun jista’ jżur, bl-użu ta’ perspex li jifred lill-anzjan mill-qraba, iżda tal-inqas wieħed ikun jista’ jżurhom.

“Salvajna 100,000 impjieg”

Dwar il-miżuri u pakketti finanzjarji tal-Gvern, Abela qal li bihom salvaw 100,000 impjieg. Qal li salvaw ukoll lin-negozji. Qal li wieħed jista’ jħares lejn ir-rata ta’ qagħad u jara s-suċċess tal-pajjiż. Qal li jrid li malli l-pajjiż ikun lura għan-normalità, in0negozji jkunu f’saħħithom biżżejjed biex ma jispiċċawx jgħalqu l-bieb tagħhom.

Abela qal li fiż-żmien li ġej iridu jniedu aktar miżuri finanzjarji u inċentivi li jwasslu sabiex il-pubbliku jirrealizza li jaqbillu jonfoq. Qal li għal kull Euro li tonfoq persuna, din tiġi lura għandha. Qal li Malta m’għandhiex problemi ta’ likwidita. Qal li bħalissa mhux il-mument li wieħed iħalli l-flus fil-bank.

Emerġenza ta’ saħħa pubblika għall-immigranti

Dwar l-immigranti, Abela qal li kull pass li ħadu dejjem ħaduh fuq bażi tal-pandemija preżenti. Qal li bħalissa qed jippruvaw jaħdmu għas-solidarjetà bejn l-Istati Membri. Qal li wieħed iħossha ħafna meta jkun fi stat ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika. Qal li l-punt bażiku jibqa’ wieħed, li s-soluzzjoni mhix rilokazzjoni (jiġifieri jitqassmu l-immigranti bejn numru ta’ pajjiżi) imma s-soluzzjoni hija fl-ixtut Libiċi. Qal li wieħed irid imur fis-sors tal-problema fil-Libja.

Qal li l-pajjiż issa ma jiflaħx aktar. Sostna li l-attakki ġejjin minn kullimkien imma ħadd mhu qed joħroġ b’soluzzjonijiet. Qal li jirċievi diversi ittri li jikkundannaw lil Malta u jgħidulha li mhux tagħmel biżżejjed. Qal iżda li hu jwieġeb lura u jistaqsihom x’qed jagħmlu huma biex isolvu din is-sitwazzjoni.

Irrimarka li jekk inħallu lil xi ħadd jgħereq meta stajna nagħmlu xi ħaġa biex insalvawh mela dik tibqa’ kundanna fuq il-pajjiż. Qal iżda li l-pajjiż ma jistax jibqa’ “free-for-all” u l-portijiet miftuħin beraħ.

Segwi l-intervista sħiħa:

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn