Filmat: Miżuri ġodda; parir li ma mmorrux għal-lockdown – PM

presser robert abela silvio schembri edward scicluna
Photo: DOI Jason Borg

Read in English.

LIVE: Il-PM jindirizza konferenza tal-aħbarijiet

Posted by Newsbook.com.mt on Saturday, March 14, 2020

Il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar miżuri ġodda b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus filwaqt li enfasizza li bħalissa m’hemmx lok għal lockdown.

Dr Abela ħabbar l-ewwel pakkett ta’ miżuri biex jiġu salvagwardjati n-negozji u l-impjiegi: lill-industrija tat-turiżmu u ospitalità, rikreazzjoni, trasport u manifattura:

  • Għal min iħaddem: Posponiment tal-ħlas tal-kontijiet tat-taxxi li jiġu dovuti fix-xahar ta’ Marzu u April ta’ din is-sena: it-taxxa proviżorja, il-Value Added Tax (VAT), il-kontribuzzjonijiet tal-ħlas tal-bolla u t-taxxa tal-impjegati. Dawn se jgħoddu kemm għal min iħaddem kif ukoll għas-self-employed.
  • Se titnieda skema ta’ teleworking – jingħataw rifużjonijiet tat-taxxi għal min iħaddem minħabba spejjeż biex dan jiġi attwat
  • Se jkunu qed jiġu aċċellerati pagamenti (rifużjoni tal-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud) mill-Gvern lill-industrija biex tkompli tiġi protetta l-likwidazzjoni tal-kumpaniji – id-data dwar dan se titħabbar il-quddiem, skont iċ-ċirkostanzi.

Il-Prim Ministru stqarr li dawn mhux miżuri faċli, imma jistgħu jsiru minħabba l-ekonomija f’saħħitha. Enfasizza li kulħadd irid jerfa’ parti mill-piż: kemm minn min iħaddem, min jaħdem u mill-Gvern.

Tenna l-appell biex il-pubbliku jimxi mad-direttivi tas-Saħħa Pubblika, kif ukoll għall-kalma għax fi kliemu kollox jinsab taħt kontroll.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, Dr Abela fisser li l-parir mill-Awtoritajiet tas-Saħħa bħalissa huwa li l-pajjiż ma jmurx għal lockdown.

Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll mill-Ministri Edward Scicluna u Silvio Schembri. Il-Ministru Schembri qal li l-għan ta’ dawn il-miżuri qed jiddaħħlu biex il-kumpaniji ma jkollhomx għalfejn ikeċċu l-ħaddiema. Dwar għajnuna lill-ħaddiema speċjalment dawk fi kwarantina, il-Ministru Scicluna stqarr li se jkunu qed iniedu pakkett ta’ miżuri oħra fil-jiem li ġejjin.

Dalgħodu ġew ikkonfermati ħames każi ġodda f’Malta, biex b’hekk it-total tela’ għal 18-il persuna infettati bil-COVID-19.

Każijiet ta’ Coronavirus f’Malta

7 ta Marzu: L-ewwel każ: Tifla Taljana ta’ 12-il sena li tgħix Malta. Hi kienet mal-familja tagħha f’Ruma

7 ta’ Marzu: It-tieni u t-tielet każ: Il-ġenituri tat-tifla (l-ewwel każ) ġew ukoll ikkonfermati pożittivi għall-coronavirus

9 ta’ Marzu: Ir-raba’ każ: Raġel Norveġiż residenti Malta. Kien għall-btala fin-naħa ta’ fuq tal-Italja

10 ta’ Marzu: Il-ħames każ: Bint in-Norveġiż tinstab pożittiva wkoll għal COVID-19

11 ta’ Marzu: Is-sitt każ: Tabib Malti jirriżulta pożittiv. Kien fuq btala fid-Dolimiti

11 ta’ Marzu: Is-seba’ każ: Mara kkonfermata pożittiva. Kienet fuq btala mat-tabib Malti (sitt każ)

12 ta’ Marzu: It-tmien u d-disa’ każ: Raġel ta’ 29 sena, barrani li jgħix u jaħdem Malta. Mar il-Belġju u ġie lura fit-8 ta’ Marzu. Mara ta’ 26 sena, barranija wkoll li siefret lejn Berlin u ġiet lura Malta minn Amsterdam fl-10 ta’ Marzu

13 ta’ Marzu:  Jitħabbru 4 każi:

L-10 każ: Malti ta’ 45 sena li ġie lura minn Munich fis-7 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fil-11 ta’ Marzu: qtugħ ta’ nifs u deni.

Il-11-il każ: Taljan ta’ 40 sena li jgħix u jaħdem Malta. Mar Pariġi fid-29 ta’ Frar u ġie lura fis-6 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fl-10 ta’ Marzu.

It-12-il każ: Mara ta’ 30 sena li hi care worker fis-settur tas-saħħa. Mhix infermiera. Hija marret Brussell fil-5 ta’ Marzu u ġiet lura fid-9 ta’ Marzu. Daħlet għax-xogħol fl-10 ta’ Marzu.  

It-13-il każ: It-tfajla Maltija ta’ 19-il sena vvjaġġat lejn Brussell bejn l-4 u t-8 ta’ Marzu. It-tfajla ħasset l-ewwel sintomi tagħha, nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Marzu.

14 ta’ Marzu: Jitħabbru 5 każi:

L-14-il każ: Russu li ġie lura Malta mir-Russja fl-4 ta’ Marzu. Ħass is-sintomi fil-11 ta’ Marzu. Hu jgħix ma’ persuna oħra.

Il-15-il każ: Malti ta’ 33 sena kien Dublin bejn is-7 u l-10 ta’ Marzu. Ħass is-sintomi fid-9 ta’ Marzu.

Is-16-il każ: Malti ieħor mar Barċellona, bejn is-6 u d-9 ta’ Marzu. Għamel kwarantina f’daru u ħarġulu s-sintomi ftit tal-jiem wara.

Is-17 u t-18-il każ: Koppja barranija li jgħixu flimkien: Persuna minn Hong Kong u oħra mill-Italja. Kienu msefrin Madrid mis-7 sal-10 ta’ Marzu. It-tnejn jaħdmu ma’ kumpanija privata.