Ikkonfermata: Il-PM iħabbar li se jirriżenja f’Jannar

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li se jirriżenja f’Jannar li ġej. F’messaġġ imxandar fuq l-istazzjon Nazzjonali TVM, il-Prim Ministru qal li huwa lest jerfa’ r-responsabbiltà anke fl-affarijiet li m’għandux x’jaqsam magħhom.

Ħabbar li fit-12 ta’ Jannar 2020 se jintgħażel Mexxej Laburista ġdid li fil-ġranet ta’ wara jsir il-PM l-ġdid ta’ Malta. Dan jikkonferma l-aħbar ta’ Newsbook.com.mt li dalgħodu żvela l-pjan ta’ Muscat li jirriżenja f’Jannar.

Huwa qal li żamm kellmtu dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għaliex permezz tar-riżorsi lill-Pulizija u lil Europol, inqabdu t-tliet persuni li allegatament poġġew il-bomba u li hemm arrestat l-allegat mandant.

Qal li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali rrakomandaw kontra l-maħfra Presidenzjali li ntalbet minn Yorgen Fenech li huwa l-allegat mandant.

Tul il-messaġġ tiegħu, il-Prim Ministru ta ħasra lejn is-seba’ snin tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta bl-inizjattivi li daħħal Gvern Laburista fosthom iċ-childcare b’xejn u ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Qal li waħda mill-isfidi li għandu l-pajjiż illum hija l-problema li m’hawnx ħaddiema biżżejjed biex jimlew il-postijiet tax-xogħol.

Dan wara l-avvenimenti li seħħew fl-aħħar 11-il ġurnata marbutin mal-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dawn wasslu għall-arrest tal-imprenditur Yorgen Fenech wara li prova jaħrab minn Malta permezz tal-yacht tiegħu.

Kif ukoll għar-riżenji tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.

Il-Prim Ministru kellu pressjoni mill-Oppożizzjoni fil-Parlament kif ukoll mis-soċjetà ċivili li għal dawn l-aħħar jiem organizzat protesta kuljum fil-Belt Valletta.

Il-ġimgħa li għaddiet f’battibekk mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fil-Parlament, Muscat żvela li kien se jirriżenja fi żmien propizju. Fl-istess żmien, f’kummenti mal-ġurnalisti huwa kien qal li fil-ħin opportun kien se jneħħi “ż-żrar miż-żarbun” u jgħid dak kollu li jaf fil-każ u li ilu jiġma’ għal sentejn.

Joseph Muscat ilu mill-2008 Mexxej tal-Partit Laburista u ilu Prim Ministru ta’ Malta mill-2013. Qabel serva bħala Membru Parlamentari Ewropew.