Filmat: “Pajjiżna qed isejħilna biex naħdmu flimkien” – il-PM

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li “pajjiżna qed isejħilna biex naħdmu flimkien biex ngħelbu l-isfida tal-coronavirus. Dan filwaqt li fakkar fil-valuri u qal li jrid ikun hemm prijorità lejn il-valuri li jagħmlu lill-bniedem verżjoni aħjar tiegħu nnifsu: l-onestà, l-integrità, l-għożża tal-familja l-irġulija u l-altruiżmu.

Lejlet Jum il-Ħelsien, il-PM rrakkonta li fiż-żmien Jum il-Ħelsien il-Maltin iċċelebraw anke jekk kienu se jitilfu xogħlhom mal-Gvern Ingliż fil-bażi navali li kellhom f’Malta. Stqarr li l-antenati fehmu li “Malta trid taħrab ‘il quddiem meħlusa mill-ktajjen tal-passat” biex tavanza. Spjega li f’dan iż-żmien il-poplu emmen fih innifsu u ma qatax qalbu.

Huwa sostna li jixtieq ikompli jara poplu magħqud mingħajr aħmar jew blu u b’hekk titwarrab il-firda.

Il-Prim Ministru appella biex bħala poplu niġġieldu flimkien għall-ħelsien mill-pandemija tal-coronavirus.

Huwa stqarr li l-ħelsien ta’ 41 sena ilu għadu rilevanti għaliex ma tistax taspira li jkollok ħelsien mingħajr ugwaljanza. Huwa semma l-ugwaljanza bejn is-sessi fejn il-mara jkollha aktar sehem fit-tmexxija tal-pajjiż. Semma wkoll l-ugwaljanza tal-mobbilta soċjali biex kulħadd igawdi.

Dan il-messaġġ ixxandar hekk kif il-Kumitat Festi Nazzjonali kkanċella l-attivitajiet u ċ-ċerimonja kommemorattiva fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien minħabba d-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Tul il-ġurnata l-Prim Ministru xegħel l-urna fuq l-għalja tal-Ħelsien fil-Birgu.