Filmat: Żmien diffiċli, imma Malta b’saħħitha iktar – Abela

Il-PM Robert Abela qal li Malta qed tgħaddi minn żmien diffiċli imma li se tkun b’saħħitha aktar minn qatt qabel.

F’messaġġ li xxandar fuq l-istazzjon nazzjonali fl-okkażjoni tal-100 jum tiegħu bħala Prim Ministru, Abela tkellem dwar ir-rispett lejn il-liġi, l-infrastruttura, u l-ġlieda nazzjonali kontra l-coronavirus fost suġġetti oħra.

Abela qal li l-ewwel 100 jum tiegħu bħala PM kienu jiem twal ta’ ħidma biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin. Qal li flimkien mal-Kabinett kellu jaffaċċja sfidi kbar.

Abela fakkar kif Malta għaddiet minn “xokk istituzzjonali qawwi” b’referenza għall-kriżi politika li bdiet f’Novembru tal-2019 relatata mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fi kliem Abela, kienet sitwazzjoni li kieku ma ġietx indirizzata tajjeb kienet tkisser “il-ġid” li kisbet Malta. Żied jgħid li mill-ewwel jum tiegħu bdiet ħidma biex Malta terġa’ lura għan-normal.

Abela tkellem kif Malta bdiet il-ħidma favur ir-rispett lejn il-liġijiet u l-governanza tajba. Fakkar kif sar qbil unanimu dwar il-Prim Imħallef il-ġdid.

Abela semma’ l-investimenti li qed isiru fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni, u fl-immanniġjar tal-iskart.

Coronavirus

Abela tkellem ukoll dwar il-pandemija tal-coronavirus li ddominat l-aħbarijiet madwar id-dinja. Qal li bħal ħafna pajjiżi oħra Malta tinsab fi gwerra kontra għadu li ma jidhirx. Irringrazzja lill-eluf ta’ ħaddiema barranin li jaħdmu Malta u qal li kieku ma kienx għalihom, Malta aktarx kienet titlef il-battalja.

Abela rringrazzja wkoll lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u fil-korpi dixxiplinati. Għamel referenza speċifika għall-iskwadra marittima tal-AFM u reġa’ tenna li hemm min irid li jqatta’ għomru l-ħabs. Dan b’referenza għar-rapport li għamlet l-għaqda Repubblika dwar l-immigranti li mietu fil-baħar.