Filmat: Il-PM iħabbar miżuri ġodda; kwarantina għal min ġej mill-Italja

Miguela Xuereb

LIVE: Il-PM jindirizza konferenza tal-aħbarijiet

Posted by Newsbook.com.mt on Tuesday, March 10, 2020

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar miżuri ġodda b’rabta mal-COVID-19. Dawk il-persuni li ġejjin jew ġew mill-Italja se jkunu jridu jsegwu perjodu ta’ 14-il ġurnata kwarantina mandatorja.

X’qal il-Prim Ministru?

  • “Serħan il-moħħ, m’hemm l-ebda lok ta’ allarm jew paniku”
  • Min se jinġieb mill-Italja se jagħmel 14-il jum kwarantina
  • Merkanzija, mediċina u prodotti tal-ikel u xorb se jibqgħu jiġu Malta b’mod normali, kemm bl-ajru kif ukoll bil-baħar
  • Testijiet mediċi fuq ix-xufiera li jitrasportaw il-merkanzija. L-għadd ta’ persuni fit-trakkijiet se jkun limitat għal żewġ persuni.
  • M’għandhomx isiru vjaġġi mhux essenzjali lejn il-pajjiżi l-aktar milquta bil-coronavirus
  • Avvenimenti tal-massa fil-beraħ permissibbli sa 2,000 persuna, fil-magħluq limitati għal 750 persuna
  • Għada jisbaħ jum ieħor ta’ xogħol u skola
  • Inħatar kumitat magħmul minn Ministri u tekniċi oħra marbuta mal-ekonomija u t-turiżmu, biex jieħdu miżuri meħtieġa. “Serħan il-moħħ, għandna ekonomija b’saħħitha”

Skont Abela s-sitwazzjoni f’Malta tinsab taħt kontroll u li m’hemx ħtieġa għall-paniku. Żied jgħid li Malta lesta għal kull eventwalità. Fakkar li l-Gvern kmieni dalgħodu ħabbar li ġie projbit l-ivvjaġġar tal-passiġġieri bejn Malta u l-Italja.

Abela qal li hemm għadd ta’ Maltin li nqabdu l-Italja. Bdew l-arranġamenti biex dawn jinġiebu lura Malta.

Spjega li l-perjodu ta’ kwarantina għal 14-il ġurnata japplika għall-persuni li ġew Malta reċentament u anke dawk li jinġiebu Malta fil-jiem li ġejjin. Jekk per eżempju persuna tkun ġiet Malta mill-Italja ġimgħa ilu, din għandha tibqa’ kwarantina sakemm tagħlaq l-14-il ġurnata minn meta tkun waslet lura.

Abela qal li l-merkanzija, mediċina, ikel, u xorb se tkompli tiħdol Malta mill-Italja bl-ajru u bil-baħar. Żied jgħid li se jsiru t-testijiet meħtieġa fuq ix-xufiera biex tiġi mħarsa s-saħħa tal-poplu Malti.

Il-PM ħabbar li attivitajiet fil-beraħ b’aktar minn 2,000 persuna ma jistgħux isiru. Dawk li jkunu fuq ġewwa se jkunu limitati għal 750 persuna.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk hemmx xi avviżi speċjali għall-iskejjel, Abela qal li m’hemmx ħtieġa għall-paniku. Però qal li jekk ikun hemm bżonn, jiġu introdotti miżuri aktar restrittivi.

Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu b’appell għall-kuraġġ li qed juri l-poplu Malti f’din iċ-ċirkostanza. “Kuraġġ, is-serħan il-moħħ, il-kalma u t-trankwillità”, kompla jgħid.

Mistoqsi dwar iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Patrizju (St Patrick’s), Abela qal li se tinħareġ direzzjoni biex l-attività ta’ din is-sena ta’ San Ġiljan ma ssirx. Mistoqsi dwar festi oħra, Abela qal li d-deċiżjoni dwarhom tittieħed aktar ‘il quddiem.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk hux veru li għalkemm l-awtoritajiet tas-saħħa kienu tal-fehma li aħjar jieqfu t-titjiriet lejn l-Italja minn qabel ma ħarġet id-deċiżjoni tal-Gvern Abela qal li mhuwiex il-każ li l-politiċi merew lil Prof. Charmaine Gauci. Skont Abela, il-Gvern Malti kien proattiv u ħa deċiżjoni biex l-ivjaġġar minn u lejn l-Italja jiġi pprojbit. Qal li d-deċiżjoni ttieħdet qabel pajjiżi oħra.

Abela qal li għandu fiduċja assoluta fi Prof. Charmaine Gauci.

Mistoqsi dwar l-ilbies protettiv tal-infermiera, Abela qal li għandu l-assigurazzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika li huwa adegwat.

Illum tnieda ċ-ċentru għall-iswabbing tal-COVID-19 f’Ħal Farruġ.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn