Filmat: Il-PM irid jibdel il-liġi tad-divorzju

"Fi ftit xhur il-pandemija se tkun warajna" - Il-PM Robert Abela

LIVE: Il-PM bid-diskors għall-baġit 2021

Posted by Newsbook.com.mt on Tuesday, October 27, 2020

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li jrid jibdel il-liġi tad-divorzju biex il-koppji ma jibqgħux jistennew l-erba’ snin bejn is-separazzjoni u meta jieħdu d-divorzju. Huwa qal dan fid-diskors dwar il-baġit li ġie ppreżentat il-ġimgħa li għaddiet fil-Parlament mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.

Fid-diskors tiegħu, il-PM stqarr ukoll li l-pandemija tkun warajna fi ftit xhur. Dan meta qal li jinsab ottimist għall-ewwel kwart tas-sena d-dieħla hekk kif qal li f’dan il-perjodu l-ekonomija se taħrab tiġri ‘l quddiem u tħares lura lejn ix-xhur tal-pandemija.

B’37 vot favur u 27 vot kontra, il-Kamra tad-Deputati approvat l-ewwel qari tal-Baġit biex issa l-estimi dwaru jkompli jiġi diskuss fi stadju ta’ kumitat.

Id-diskors tal-Prim Ministru sar ukoll fl-isfond tad-diskors li għamel ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li fih elenka 12-il punt li fuqhom jixtieq li l-pajjiż jimxi għat-triq ‘il quddiem.

Aqra dak li qal il-PM minuta b’minuta:

20:33 Grazzi talli segwejtu dan il-Live Blogg fuq Newsbook.com.mt.
Beppe Galea
20:29 Il-PM temm id-diskors tiegħu billi qal li "flimkien se nibnu futur aħjar".
Beppe Galea
20:23 Huwa qal li għandu ammirazzjoni u fidujuż fiż-żgħażagħ. B'referenza għal elezzjoni ġenerali, huwa qal li fi ftit xhur oħra se jkun iġġudikat minn żzgħażagħ ta' 16-il sena li se jkollhom id-dritt tal-vot.

Dan filwaqt li qal li hemm bżonn ta' trasformazzjoni fl-edukazzjoni. Tkellem ukoll favur l-isports u r-rebħ tal-Maltin fid-diversi dixxiplini.
Beppe Galea
20:20 "Lejn persuni LGBTIQ iridu nuru biss imħabba u rispett" – il-PM qal li hu kburi li l-PL fil-Gvern huwa ċ-ċampjins tad-drittijiet ċivili.

Issuġġerixxa wkoll li tinbidel il-liġi tad-divorzju biex koppji ma jibqgħux jistennew erba' snin bejn meta jisseparaw u meta jieħdu d-divorzju.
Beppe Galea
20:15 Immigrazzjoni: Il-PM reġa’ insista li “Malta hija full-up”. Dar fuq l-Oppożizzjoni u qal li din reġgħet biddlet l-istqarrija wara li qal li l-PN induna li l-messaġġ li Malta mhix full-up ma niżilx tajjeb man-nies tal-Marsa u tal-Qawra.
Beppe Galea
20:11 Il-PM qal li ta direzzjoni lill-Bank Malti għall-Iżvilupp biex 10% tal-baġit tmur għall-proġetti f'Għawdex.
Beppe Galea
20:10 Għawdex: Il-PM qal li kulħadd jaf kemm iħobb lil Għawdex.

Semma t-tieni fibre optic cable li dalwaqt tibda taħdem fl-istess waqt li reġa' stqarr il-frażi "xogħol f'Għawdex għall-Għawdxin".

Tkellem ukoll dwar il-proġett ta' pixxina f'Għawdex li l-Partit Nazzjonalista kkritika għaliex il-proġett għadu ma tlestiex.
Beppe Galea
20:06 Stqarr li l-binijiet iridu jkunu aktar energy efficient. Il-PM qal li se tiġi varata l-kampanja Grey-to-Green biex l-ispazji pubbliċi jitranġaw fi spazji ħodor.
Beppe Galea
20:05 Dwar it-trasport tal-massa, il-PM qal li dan hu l-futur qarib peress li kellu l-opportunita li jara l-istudji li saru. Spjega li l-Gvern għandu l-ambizzjoni li jagħmel dan il-proġett hekk kif se tibda t-tieni fażi bl-istudji dwar il-vijabbilta tal-proġett.
Beppe Galea
20:01 Fuq l-ambjent u l-kostruzzjoni, il-PM qal li l-Gvern ma jistax jagħlaq l-industrija tal-kostruzzjoni. Dwar il-qalba għal karozzi eletriċi, il-PM qal li din l-inizjattiva fit-trasport ma tistax titgħabba fuq dahar il-poplu imma se jkun il-Gvern li jgħin biex issir din il-qalba.
Beppe Galea
19:56 Fost l-eforija tad-deputati Laburisti, il-Prim Ministru qal għal diversi drabi li hu l-Gvern tal-governanza tajba. Semma l-miżura tal-VAT li permezz tagħha għadd ta' persuni self-employed mhux se jħallsu VAT jekk jaqilgħu anqas minn €30,000.
Beppe Galea
19:55 Id-diskors tal-Prim Ministru komla b'aktar tqabbil bejn dak li kien isir sal-2012 minn Gvernijiet Nazzjonalisti u dak li qed jagħmel Gvern Laburista sa mill-2013.
Beppe Galea
19:29 "Fl-ewwel kwart tas-sena ħa naħarbu niġru" – il-PM qal li fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla l-ekonomija se taħrab tiġrii hekk kif tħalli x-xhur tal-pandemija warajha.
Beppe Galea
19:28 "L-aqwa tliet xhur ta' bejgħ ta' propjeta li kellna f'Malta" – il-PM stqarr li dan kollu għaliex in-nies għandhom fiduċja fil-Gvern.
Beppe Galea
19:25 Fuq l-iskema ta' bejgħ tal-passaporti, il-PM qal li l-Oppożizzjoni trid tkisser il-programm tal-IIP. Mingħajr ma semma isimha, il-PM tkellem ukoll kontra l-Ewroparlamentari Roberta Metsola għaliex qal li qed taħdem kontra l-IIP barra minn Malta.

Il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċeduri legali kontra Malta minħabba l-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija u Ewropew.
Beppe Galea
19:21 Bil-Wage-Supplement gawdew 100,000 ħaddiem. Il-PM jfakkar ukoll fil-miżura tal-garanziji fuq dejn lin-negozji biex sa issa gawdew 400 negozju.
Beppe Galea
19:20 Dwar it-teleworking, il-PM qal li d-dipartimenti tal-Gvern ħadem pandemija bit-telkework u staqsa għaliex il-PN qed jerġa' jipproponi din il-miżura meta qed tħadem.
Beppe Galea
19:14 Il-PM dar fuq Adrian Delia u indikalu lil min qed jiddefendi filwaqt li qallu "ara x'għamlulek".
Beppe Galea
19:07 Il-PM qal li l-Partit Laburista fil-Gvern favur in-negozjanti u favur il-ħaddiema. Stqarr li bħala Gvern ma jista' jkun qatt kontra min iħaddem.
Beppe Galea
19:05 Il-PM jgħid li Malta għandha l-aqwa Ministru tas-Saħħa, l-aqwa Supretendent għas-Saħħa u l-aqwa tobba.
Beppe Galea
19:04 Il-PM qal li l-Gvern weġġa' lin-nies meta lbieraħ ħa d-deċiżjoni biex jagħlaq il-bars għal xahar. Semma l-karba ta' min għandu self fuq il-bar u se jkollu jagħlaq għal xahar iżda stqarr li l-Gvern kellu jieħu deċiżjoni iebsa biex jikkontrolla l-pandemija.
Beppe Galea
19:00 "Naħseb bil-lejl iqumu jgħidu korrotti" – Il-PM jinnota b'mod umoristiku li l-membri tal-Oppożizzjoni qed jgħidu li n-naħħa tal-Gvern "Korrotti".
Beppe Galea
18:55 Dwar il-proposta tal-Oppożizzjoni għal tim ta' azzjoni għal kontra l-pandemija, il-PM iddieħak bil-Kap tal-PN għaliex qara minn diskors miktub. Qal li din il-proposta tmur kontra dak li qal il-PN għaliex jiġi jissorvelja dak li qed tagħmel is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika.
Beppe Galea
18:54 Il-PM jikkwota lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Soċjalista Frans Timmermans meta qallu "You don't need to thank me. You're doing a fantastic job".
Beppe Galea
18:50 Il-PM ammetta li ħa r-riedni tal-Gvern fi żmien ta' kriżi politika u qal li minn dak iż-żmien tgħallem u l-Gvern għamel ir-riformi neċessarji.
Beppe Galea
18:48 Fl-Istati Uniti, il-PM qal li kienu qed jiġu reġistrati nies qegħda daqs il-popolazzjoni ta' Malta kuljum għal xahar sħiħ.
Beppe Galea
18:47 Dwar il-frażi "copy u paste" imsemmija mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ilbieraħ, il-PM qal li mhux se jattakka personali fl-istess waqt li indika li dak li kien qed jgħid kien għad-deputat Nazzjonalista David Agius.
Beppe Galea
18:45 Fost tisbit u ċapaip mill-membri tan-naħa tal-Gvern, il-PM elenka għadd ta' miżuri mħabbra fil-baġit għall-familji, l-ħaddiema u l-pensjonanti. Qal li hemm aktar minn 100 miżura konkreta għall-kwalita ta' ħajja aħjar tal-familji.
Beppe Galea
18:40 Il-PM qal li dan hu "r-raba' baġit f'disa' xhur" u l-aqwa wieħed li rat Malta. Stqarr li f'nofs il-pandemija ġew salvati mal-100,000 impjieg u l-Gvern ta €2.7 Biljun f'sostenn finanzjarju lin-negozji u liċ-ċittadini.
Tkellem ukoll dwar il-fondi Ewropej u qal kif Gvern Laburista ġab id-doppju tal-flus li ġab Gvern Nazzjonalista fl-aħħar baġit Ewropew.
Beppe Galea
18:35 Il-PM jgħid li Kburi li hu Malti filwaqt li jifraħ lill-Kardinal-elett Mario Grech talli qed jagħmel lin-nazzjon kburi.
Beppe Galea
18:34 Jibda d-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela f'diskussjoni dwar il-Baġit 2021.
Beppe Galea
18:31 Jiġu fi tmiemhom il-mistoqsijiet parlamentari u jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra għadd ta' dokumenti minn diversi Ministri.
Beppe Galea
18:18 Il-mistoqsijiet parlamentari qed isiru lill-Ministru għall-Ambjent. Fosthom il-membri staqsew dwar in-nar li qabad dalgħodu fl-impjant tal-Wasteserv fil-Marsa.
Beppe Galea
18:10 Ftit tal-ħin ilu, il-Prim Ministru stqarr fuq Facebook li fid-diskors tal-lejla se jwieġeb għad-diskors tal-baġit tal-Kap tal-Oppożizzjoni filwaqt li jelenka kif il-Gvern se jkompli "jkun ta' serħan il-moħħ, ta' tama u ta' kuraġġ għan-nies tagħna".
Beppe Galea
18:05 Is-seduta tal-lejla tibda bit-talba tal-bidu u bil-mistoqsijiet parlamentari li qiegħdin isiru fost id-deputati.

Id-diskors tal-PM huwa mistenni li jibda għall-ħabta tas-6.30pm.
Beppe Galea
18:03 Merħba f'dan il-Live Blogg ta' Newsbook.com.mt minn fejn se nkunu qed naġġornawkom x'qed jiġri llejla fil-Parlament fejn hu mistenni d-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela dwar il-Baġit 2021.
Beppe Galea