Qed ngħixu taħt Gvern li l-ħażin jgħidlu tajjeb – Delia

19:10 Il-vot fuq il-mozzjoni se tittieħed f’seduta oħra.

19:09 Delia jgħid li huwa ċar li l-Gvern dejjem ried isikket il-verità. Jispjega li l-Oppożizzjoni trid tkun taf “jekk dak il-leħen setax jibqa’ jitkellem”.

19:00 Adrian Delia jgħid li l-PN għadu kunfidenti li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija huma għodda f’idejn il-Gvern. “Meta inti tgħix taħt Gvern li l-ħażin jgħidlu tajjeb” allura jistgħu jseħħu ċertu affarijiet jgħid Delia. Iżid jgħid li l-Gvern ħoloq ambjent ta’ impunità.

18:54 Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jgħid li n-nies għandhom dritt li jkunu jafu l-verità. Jgħid li l-PN qed juża’ l-liġi biex tingħata ġustizzja lin-nies. Jgħid li l-argumenti tal-Gvern m’għandhom l-ebda bażi ħlief li jippruvaw jgħattu l-verità. Skont Delia, f’pajjiż normali ma jinqatlux il-ġurnalisti.

18:41 Bonnici jippreżenta emenda għall-mozzjoni. L-emenda tneħħi l-appell biex tinfetaħ inkjesta pubblika minnufih.

18:29 Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici jgħid li wieħed ma jistax jittollera “atti barbari” bħall-qtil ta’ Caruana Galizia. Jgħid li huwa kburi bl-awtoritajiet li ressqu fil-Qorti t-tliet persuni akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia minkejja l-periklu għal ħajjithom.

18:24 Abela jgħid li l-PN irid li jiġu liberati t-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

18:20 Id-Deputat tal-Gvern Robert Abela jgħid li l-mozzjoni tal-PN hija “illegali”.

18:17 L-MP Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li hemm diversi saffi ta’ mħuħ wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia. Azzopardi qal li inkjesta maġisterjali ssir fis-skiet filwaqt li inkjesta pubblika tkun pubblika. Spjega wkoll li inkjesta pubblika tinvestiga affarijiet li ma tinvestigax inkjesta maġisterjali.

18:06 Id-Deputat tal-PL Edward Zammit Lewis jgħid li fid-dominju pubbliku qatt ma ra evidenza li xi ħadd kien jaf minn qabel bl-assassinju ta’ Caruana Galizia u li ma sar xejn.

17:50 L-MP tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia qalet li filwaqt li l-Gvern qed jgħid li ma tistax issir għalissa l-inkjesta indipendenti, din l-istess inkjesta hija dritt tal-poplu Malti u tal-familja tal-ġurnalista.

17:44 Cutajar tgħid li qrat fil-midja li l-Pulizija qed toqrob lejn il-moħħ wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia. Akkużat lill-Oppożizzjoni li qed tagħmel ħsara rreparabbli lil Malta flimkien ma’ xi Membri tal-Parlament Ewropew.

17:40 Id-Deputat tal-PL Rosianne Cutajar qalet li l-Gvern ingħata l-parir biex ma jkunx hemm inkjesta indipendenti fl-istess ħin li tkun qed issir l-inkjesta kriminali. Cutajar qalet li hemm qbil fil-kamra li Daphne qatt ma kellha tmut b’dak il-mod.

17:32 Id-Deputat tal-PN Edwin Vassallo jgħid li l-Gvern qed iħares lejn dan l-assassinju bħal kwalunkwe qtil ieħor. Fakkar li Daphne Caruana Galizia kienet kixfet min kien imsemmi fil-Panama Papers. Fakkar ukoll li min ordna l-qtil ta’ Caruana Galizia għadu ma tressaqx il-Qorti.

17:25 Bedingfield jistaqsi għalfejn ma jerfax ir-responsabbilità politika l-Kap tal-PN Adrian Delia peress li huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni. Jikkritika wkoll il-parti tal-mozzjoni tal-PN li tagħti sitt xhur biex l-inkjesta indipendenti tintemm.

17:21 Bedingfield qal li jekk tibda inkjesta oħra, l-investigazzjoni kriminali li qed issir tiġi mfixxla. Qal li forsi hemm min irid ifixkel l-investigazzjoni biex il-każ ma jissolviex. Jgħid ukoll li jirċievi theddid b’mod regolari.

17:19 Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield qal li l-implikazzjoni tal-mozzjoni hija li l-Oppożizzjoni m’għandhiex fiduċja fil-Maġistrat li qed jinvestiga l-qtil ta’ Caruana Galizia. Qal li l-mozzjoni hija eżempju ta’ opportuniżmu politiku.

17:14 Id-Deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li hemm appell ġenwin biex l-MPs jagħtu fiduċja lin-nies li qatgħu qalbhom mill-politiċi. Qalet li l-Parlament għandu l-opportunità li jibgħat messaġġ ċar li jimpurah b’dak li qed jiġri. Żiedet tgħid li f’demokrazija normali, min ikun fit-tmexxija meta tinqatel ġurnalista jieħu pass kbir lura u saħansitra jirreżenja.

17:01 Camilleri akkuża lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li qed tużaw il-kwistjoin bħala ballun politiku. Qal li l-għan tal-Kap tal-PN Adrian Delia huwa li jimmina l-istituzzjonijiet, Qal ukoll li l-intenzjoni tal-Oppożizzjoni hija li ttellef l-investigazzjonijiet li qed isiru.

16:56 Il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri qal li l-qtil ta’ Caruana Galizia kien makabru. Qal li hemm diversi organi tal-istat li jaħdmu. Camilleri qal li l-Oppożizzjoni trid li l-politiku jindaħal fl-inkjesta filwaqt li l-Gvern irid li l-istituzzjonijiet ikunu dawk li jinvestigaw. Camilleri qal li l-mozzjoni tal-PN hija każ ta’ wieħed li jpoġġi l-karru qabel iż-żiemel.

16:55 Karol Aquilina qal li din il-mozzjoni għandha tkun approvata b’mod unanimu biex tinsab il-verità.

16:46 Aquilina jgħid li numru ta’ ministri ħatru inkjesti għal affarijiet ħafna inqas sensittivi minn qtil ta’ ġurnalista. Allega li l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qiegħed jiżuffjetta bis-sitwazzjoni. Bonnici qal li dan ma kienx minnu, Aquilina stiednu biex jivvota favur il-mozzjoni tal-PN.

16:41 Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina jgħid li m’għandux ikun il-każ li MPs iridu jressqu mozzjoni biex tinfetaħ inkjesta indipendenti. Aquilina qal li kulħadd kapaċi jikkundanna bil-kliem. Żied jgħid li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista trid tagħmel xi ħaġa dwar dan filwaqt li l-Gvern Laburista ma jridx li ssir inkjesta pubblika.

16:37 Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana tgħid li trid tmur id-dar Għawdex biex tikkonforta lil uliedha. Dan għaliex il-familja tagħha tinsab taħt protezzjoni tal-Pulizija. Iddefendiet lir-raġel tagħha Silvio Valletta li ma tħalliex mill-Qorti jkompli jinvestiga l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Qalet ukoll li ħarġet mill-kamra għax tissemma fil-mozzjoni tal-PN.

16:20 Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici jikkummenta dwar ir-rapport tar-Reuters li żvela kemm qala’ flus l-accountant Brian Tonna minn konsulenzi

16:12 Bħalissa għaddejja s-sessjoni tal-mistoqsijiet parlamentari

Illejla l-Parlament mistenni jiddiskuti l-mozzjoni ppreżentata mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Tista’ taqra l-mozzjoni sħiħa tal-PN minn hawn.

Il-Partit Demokratiku qed jitlob sabiex tiġi stabbilita Kummissjoni għall-Verità u l-Ġustizzja li ssegwi l-Att dwar l-Inkjesti sabiex jissolvew l-assassinji ta’ Daphne Caruana Galizia, Raymond Caruana u Karin Grech.