Dibattitu mqanqal ieħor fil-Parlament

21:45  Il-Ministru Owen Bonniċi kellu eloġju għall-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech. Insista kemm-il darba li ma jaqbilx li għandu jirriżenja, u ddeskrivieh bħala persuna li jaħdem b’mod eċċellenti, tant għandu mħabba lejn il-pajjiż.
21:30 Il-Ministru Helena Dalli saħqet li temmen fl-irwol tas-soċjetà ċivili, iżda ddeskriviet il-manifestazzjoni li attendiet bħala waħda partiġġjana, “b’politiċi jindirizzaw il-folla”. 
21:17 Qabbel li qegħdin f’salib it-toroq bħall-1986, bid-differenza li fi kliemu dakinhar kien hemm min kellu l-kuraġġ u l-maturità politika,  għall-kuntrarju tal-lum.Saħaq li għandu jinħatar Maġistrat inkwerenti kontra l-korruzzjoni fil-pajjiż.
21:12: Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Mario Demarco semma kif f’dan id-dibattitu ħareġ ċar kemm qisu Malta mhix pajjiż wieħed imma tnejn. De Marco irrimarka kif il-Gvern ma ħareġ bl-ebda proposta għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż, “qishom mexjin kollha fuq ir-rubini”.
21:07:  “Oqgħod kwiet” – L-Ispeaker lil Glenn Bedingfield
21:05: Kommossjoni fil-Parlament, hekk kif id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi talbu jgħid fejn l-awditur qal li hu indaħal fejn mhux suppost. Bedingfield jirribatti, l-Ispeaker iwaqqafhom.
21:00: Id-Deputat Glenn Bedingfield qal li l-poplu jrid jibqa’ għaddej b’ħajtu u li jrid it-trankwillità. Saħaq li l-poplu jrid ukoll politiċi li jaħdmu u mhux politiċi li joqogħdu jixxenjaw.  Attakka lill-PN li qal li qed jinqeda bl-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo, meta "fi żmienu persuna mietet fid-depot u ma talbuhx jirreżenja". Qal ukoll li fir-rapport tal-Awditur Ġenerali jissemmew akkużi dwar deputat tal-Oppożizzjoni. 
20:55: Aquilina insista li kieku l-Avukat Ġenerali ma kienx dgħajjef kien jiżgura li r-ruxmata rapporti tal-FIAU, li fi kliemu xebgħu jiġmgħu trab fuq l-iskrivanija, kien jużahom “biex nies bħal Konrad Mizzi u Keith Schembri jieħdu dak li ħaqqhom”
20:52: Fisser li l-Oppożizzjoni u s-Soċjetà Ċivili ma jridux li Dr Peter Grech jirriżenja biex minfloku titqiegħed persuna oħra servili lejn il-Gvern, iżda li tkun serja f’xogħolha.
20:50: Jindirizza d-dibattitu, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina. Dr Karol Aquilina qal li Dr Peter Grech hu avukat intelliġenti, ġentlom u simpatiku, iżda li madanakollu jeħtieġ li jkun f’saħħtu f’xogħlu, indipendenti fil-ħsieb u ħieles mill-influwenza tal-Gvern. Saħaq li għandu akkost ta’ kollox iwettaq ġustizzja. 
20:45: Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li s-Saltna tad-Dritt imminaha min ħareġ jew ħeġġeġ biex jiġi żvelat ir-rapport tal-FIAU. Huwa ta lista ta’ miżuri li l-manifest elettorali tal-Gvern kif se jsaħħaħ l-Istituzzjonijiet. Qal li l-poplu ta fiduċja kbira lill-Gvern bir-riżultat elettorali ta' Ġunju u qed jiddejjaq jisma’ nies li jridu jiddettaw huma x’inhu tajjeb u ħażin fis-soċjetà.
20:38: Il-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera qal li kien l-eks Ministru Carm Mifsud Bonniċi stess li kien faħħar il-kwalitajiet tajba tal-Avukat Ġenerali. Staqsa x’seta’ nbidel minn dakinhar sal-lum?
Qal li f’Malta ħadd ħlief ‘l-erba’ minn nies fl-Oppożizzjoni’ ma jemmen li Malta hija stat Mafjuż bħalma qed jintqal.  Il-Ministru Herrera jakkuża lill-Oppożizzjoni li hija intolleranti u għandha nuqqas ta’ għerf ta’ x’inhi liġi.
20:30: Id-Deputat tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia qalet li Daphne Caruana Galizia inqatlet fl-inqas perjodu li kellha protezzjoni mill-Istat. Qalet li nqatlet waqt baġit, f’gurnata qrib it-tifkira ta’ Black Monday u ħafna iktar kumbinazzjonijiet. Qalet li ż-żewġ naħat tal-Kamra għamlu l-iżbalji tagħhom u flok jammettu n-nuqqasijiet qed jinfexxu jgħajru lil xulxin. Marlene Farrugia qalet li t-triq 'il quddiem trid vera tkun biex Daphne Caruana Galizia ma tkunx mietet għalxejn. 
20:20: Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li fl-aħħar erba’ snin Malta għamlet avvanzi modesti li qatt ma ssemmew f’ħamsa u għoxrin sena ta’ Gvernijiet preċedenti. Semma l-liġi tal-finanzjament tal-partiti u dik tal-whistleblower u kif qed jinħatru l-ġudikanti. Qal li l-Oppożizzjoni ma wrietx nitfa umiltà tgħid li meta kienet hi fil-Gvern setgħet għamlet ħafna aħjar. Qal li titkellem sabiħ fl-Oppożizzjoni tiskredita dak li tkun għamilt fil-Gvern. Il-Ministru Bartolo tkellem dwar l-iskandlu tal-FTS. Qal li hu għamilha ċara li għandhom jitħaddnu l-prinċipji ta’ governanza tajba, kif ukoll li fejn hemm allegati abbużi dejjem għandhom jintużaw l-għodod legali kollha.
20:15: Il-membru tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia tkellem dwar l-isitituzzjoni tal-Parlament. Godfrey Farrugia qal li l-ogħla Istituzzjoni tal-pajjiż hija insensittiva għal dak li jrid il-poplu. Qal li l-aġenda Parlamentari huma kollha ddettati mill-Gvern u s-sistema tal-iskrutinju hija fqira. Qal li l-backbench tal-Gvern ħalqu magħluq minħabba l-ħatriet governattivi li għandhom. Qal li m’hemmx distinzjoni bejn Gvern u Parlament.
20:11: Il-Prim Ministru talab point of order biex innega l-allegazzjoni ta’ Dr Simon Busuttil u qal li mhux vera ħarab lis-soċjetà ċivili u għadda mill-bieb ta’ wara. Dr Busuttil qal li hu kkwota dak li qalu s-soċjetà ċivili.
20:08: Il-Ministru Scicluna qal li l-attakki fuq Malta barra pajjiżna qed iħalli impatt negattiv fuq Malta. Qal iżda li l-Kummissjoni Ewropeja mhix tinvestiga lill-Malta bħal Lussemburgu u issa r-Renju Unit. Huwa akkuża lil xi membri tal-Oppożizzjoni li skont hu qed ixewxu lill-mezzi tax-xandir Internazzjonali li bil-kitbiet tagħhom qed jippruvaw itebbgħu r-reputazzjoni tal-pajjiż.
20:03: Jibda jitkellem il-Ministru Edward Scicluna. Il-Ministru Scicluna akkuża lil Simon Busuttil li għamel diskors “isteriku” u li ma jikkonvinċix. Qal li hemm bidliet fis-soċjetà li jridu jsiru iżda dawn għandhom isiru bir-raġuni. Huwa ddefenda lill-Avukat Ġenerali Peter Grech li qal li huwa bniedem integru. Qal li jmur kontra s-saltna tad-dritt jekk xi ħadd jipprova jġiegħel l-Avukat Ġenerali jirriżenja għal xejn b’xejn. 
20:00: Dr Busuttil b’ton passjonali qal li l-Gvern hu mimli manipulazzjoni u sfida tal-verità. Qal li l-Gvern lanqas jum ta’ luttu quddiem dan l-assassinju politiku, l-ikbar wieħed fl-istorja wara ta’ Raymond Caruana. 
19:55: "Kif tista’ l-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia tkun kredibbli jekk qed issir minn Kummissarju sfiduċjat? Kif tista’ tkun kredibbli meta d-deputat kummissarju tal-pulizija huwa r-raġel ta’ Ministru li tagħmel parti mill-iktar Gvern li tant kritikat Daphne Caruana Galizia?" 
19:50: Il-Membru Parlamentari Simon Busuttil sellem lill-attivisti ta’ Occupy Justice. Qal li l-Prim Ministru mhux talli ma ridx jiltaqa’ magħhom talli ħarabhom. Dr Busuttil qal li l-Gvern huwa ‘in denial’. Qal li n-naħa tal-Gvern tant hi ‘in denial’ li dejjem jakkużaw lill-Oppożizzjoni li ma għamlet xejn meta kienet fil-Gvern. Dr Busuttil qal li f’25 sena ta’ Gvern Nazzjonalista qatt ma seħħ assassinju brutali bħalma seħħ ġimagħtejn ilu. L-eks Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-korruzzjoni hija istitituzzjonali, hawn kriminalità sfaċċata. Dr Busuttil qal li s-soċjetà ċivili hija rrabjata għax il-Maltin iridu l-ġid u ħadd ma jrid kultura ta’ impunità
19:45: Tkellem id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis, li qal li l-Gvern ma jiħux lezzjonijiet mill-Oppożizzjoni. Qal li hawn bżonn l-għaqda nazzjonali.
19:35: Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech irribatta lill-Prim Ministru u staqsa jekk hawnx pajjiż fl-Ewropa li kellu żewġ esponenti tal-Gvern li nqabdu fl-Iskandlu tal-Panama? "Dan li ma jgħidx il-Prim Ministru", qal Beppe Fenech Adami.
Id-dibattitu kompla b’numru ta’ interventi mid-deputati fil-kamra.
19:30: Il-PM jgħid li m’hemmx bażi fuq xiex jitneħħa l-Avukat Ġenerali u jekk isir hekk tkun qed tiġi mminata vera s-Saltna tad-Dritt.
19:27: Dr Muscat qal li t-talbiet tal-Oppożizzjoni u s-Soċjetà Ċivili ma jagħmlux sens.
19:25: Il-Prim Ministru tenna l-fiduċja tiegħu fl-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Puliżija. Qal li l-Avukat Ġenerali tant mhux immexxi mill-Gvern li hu l-istess Avukat Ġenerali li kien ħareġ bil-każ ta’ Cyrus Engerer ġimagħtejn qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. 
19:22: Il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni semma kif mhux jintefqu tajjeb it-taxxi tal-Poplu. Dr Muscat qal li t-taxxi tal-Poplu huma dawk li jitħallsu, iżda l-Kap tal-Oppożizzjoni ma tantx jista’ jitkellem dwarhom għax is-sena li għaddiet ma ħallasx taxxa.
19:21: Il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux awtorità morali jitkellem dwar it-tisħiħ tas-Saltna tad-Dritt għax għadu sal-lum ma marx quddiem il-Qorti biex jitlob li ssir inkjesta fuqu biex inaddaf ismu.
19:20: Dr Muscat qal li l-Gvern ilu erba’ snin ibiddel l-affarijiet u r-rapport Bonello dwar il-Ġudikatura ilu sentejn jiġi mwettaq.
19:18: Jibda jwieġeb il-Prim Ministru Joseph Muscat. Fil-Kamra tar-Rappreżentanti hemm l-Avukat Franco Debono bħala konsulent tal-Gvern.  
19:14: Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-bidliet illum huma neċessarji. Qal li l-Gvern irid jerfa’ r-responsabbilità politika għal dak li ġara. Dr Delia ħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jilqa’ t-talbiet tas-soċjetà ċivili u tal-Oppożizzjoni. Qal li jekk il-Gvern jilqa’ dawn it-talbiet, l-Oppożizzjoni se tgħin bis-sħiħ biex verament Malta terġa’ taqbad it-triq tas-sewwa, il-libertà u l-ġustizzja. 
19:10: Dr Delia sejjaħ biex jinħatar Kumitat Parlamentari għat-tisħiħ Istituzzjonali u Kostituzzjonali u tibda titlaqqa’ l-Konvenzjoni Kostituzzjonali biex kulħadd ikollu sehem f’dawn il-bidliet. Sejjaħ li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu mhux aktar tard minn nofs l-2019 ħalli jekk ikun hemm bżonn referendum, dan isir mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.
19:09: Semma li kemm l-uffiċċju tal-FIAU u anke tal-MFSA jingħataw il-poteri neċessarji biex jiskrutinizzaw lill-Gvern tal-ġurnata; tgħaddi liġi ġdida rigward il-ħatra ta’ Maġistrat inkwerenti dwar il-Korrizzujoni
ssir l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Bonello, nkluż fuq il-ħatra ta’ membri ġodda tal-ġudikatura; kif ukoll li jsiru bidliet fil-liġi biex jiġu indirizzati l-prattiċi korrotti li jaffetwaw il-proċess elettorali, fosthom dawk tal-ħatriet f’positions of trust mal-Gvern.
19:07: Il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li l-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jaqblu li fi żmien sitt xhur jidħlu fis-seħħ numru ta’ emendi f’diversi istituzzjonijiet biex tissaħħaħ id-demokrazija.
19:04: Dr. Delia qal ukoll li l-Avukat Ġenerali għandu jirreżenja wkoll. Qal li l-Avukat Ġenerali illum huwa l-Avukat tal-Gvern u fl-istess ħin qed ikun l-Avukat tal-parti l-oħra li tagħmel kawża lil Gvern. Qal li dan ma jistax ikun u li hemm bżonn bidliet kbar f’dan l-uffiċċju lill hinn mill-politika partiġġjana.
19:00: L-Oppożizzjoni sejħet biex ma tkomplix tiġi mgħarrqa r-reputazzjoni ta’ Malta. Dr Delia reġa' sejjaħ biex jirriżenja minnufih il-Kummissarju tal-Pulizija. Qal li l-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija ġdid għandha ssir b’maġġoranza taż-żewġ terzi. Qal li dan jista’ jsir bla bidliet fil-liġi u lanqas hemm bżonn bidla Kostituzzjonali
18:59: "L-Oppożizzjoni mhux se tissikket. Qal li l-Gvern ġab dan l-Istat bla ruħ. Qal li l-Oppożizzjoni mhux se ċċedi quddiem dan il-kollass, it-traġedja."
18:57: "L-Oppożizzjoni se tibqa’ tagħmel minn kollox biex sa fl-aħħar il-Gvern li jgħid li qed jisma’ jibda jwettaq". Dr Delia jgħid li l-Partit Nazzjonalista ilu sentejn li ppubblika dokument kif għandhom jissaħħu l-Istituzzjonijiet u l-Gvern b’konvenjenza ma jridx jisma’.
18:53: Semma l-każ tal-uffiċjal tal-FIAU u l-allegazzjoni li wettaq fuq kif mexa l-FIAU. Dr Delia jgħid li lil dan l-uffiċċjal il-Gvern warrbu, sikktu u prova jagħlaqlu ħalqu. Qal li dawn l-affarijiet qed isir f’pajjiż li laqmu ‘tax-xejn mhu xejn”
18:50: Il-Kap tal-Oppożizzjoni ta rendikont sħiħ tad-diversi stejjer li Daphne Caruana Galizia kitbet u kixfet dwar l-iskandlu tal-Panama Papers li fi kliem Dr Delia il-Gvern qatt ried li dan l-iskandlu jkunu jaf bih il-Maltin. 
18:49: Dr Delia qal li hu talab apoloġija lil Daphne Caruana Galizia wara mewtha għal meta lissen kliem disprjeġġattiv fil-konfront tagħha fis-saħna tal-mument għax kien irrabjat bil-kitbiet inveritieri tagħha fil-konfront tiegħu. Qal iżda li l-Gvern jgħarralu jekk mingħalih se juża dan l-episodju biex jipprova jdawwar kollox fuqu.
18:48: Dr Delia qal li f’Malta seħħ ‘tradiment tal-ġustizzja’. Qal li s-Saltna tad-Dritt ilha ħames snin tiġi mnawra u tmut.
18:44: "Il-Gvern ilu ħames snin jitlajja u ma jagħmel xejn dwar il-koruzzjoni". Qal li issa fl-aħħar se jittieħdu passi kontra Edward Caruana li hu kanvażer tal-Ministru Evarist Bartolo dwar l-iskandlu tal-FTS. Qal li lanqas ma ttieħdu passi fil-każ ta’ Jimmy Magro, eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista.
18:40: "Il-Gvern irid inaqqas mill-gravità tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia" – Delia
18:38: Fetaħ id-dibattitu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Beda biex qal li din is-sena kellha tkun is-sena tal-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea u s-sena li Malta kellha tkun l-aqwa fl-Ewropa. Minflok kienet is-sena tal-Pilatus Bank, kienet is-sena tal-iskandlu tal-FTS, is-sena tas-serje ta’ bombi li ma wasslu għall-ebda arrest u kienet is-sena tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 
18:00: Għadd ta' nisa mill-kampanja 'OccupyJustice' komplew jipprotestaw barra l-Parlament, urtati li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma aċċettax li jiltaqa' magħhom. Id-deputat Marthese Portelli ressqet fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-imejl li bagħtu l-attivisti lill-Prim Ministru bit-talbiet li qed tagħmel is-Soċjetà Ċivili.