Filmat: “Azzjonijiet ta’ klikka żgħira ġġib fix-xejn ir-reputazzjoni ta’ Malta”

Filwaqt li elenka s-sitwazzjoni politika f’Malta, il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa qal li Malta għandha fost l-għola standards regolatorji fil-qasam finanzjarju iżda qal li “azzjonijiet ta’ klikka żgħira fil-poter mhux xhieda ta’ dan”.

Fid-dibattitu David Casa qal li l-UE irnexxiela tagħmel kisbiet importanti fl-istorja tal-evażjoni tat-taxxa.
Iżda qal li persuni fil-poter ġabu fix-xejn dawn il-kisbiet għax kienu kapaċi jaħarbu mill-liġijiet.
Qal ukoll li fil-każ tal-Panama Papers li jinvolvi lil Malta ma jirriflettix l-onestà tal-poplu Malti.
Appoġġja lill-MEP Alfred Sant li lbieraħ tkellem dwar dan il-każ u qal li l-Ministru Konrad Mizzi għandu jirriżenja.
Għall-mistoqsija ta' MEP ieħor, David Casa spjega l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista kif mill-Oppożizzjoni għamlet mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern u qal ukoll li saru dimostrazzjonijiet li juru r-rabja tal-poplu Malti.
Membri Parlamentari Ewropej minn pajjiżi differenti jsemmgħu leħinhom
Tkellmu wkoll numru ta' Membri Parlamentari Ewropej fejn qalu li l-Istati Membri kienu jafu b’din l-evażjoni tat-taxxa u baqgħu ma għamlu xejn dwarha. Sostnew li “rridu neħilsu minn dawn it-tax havens darba għal dejjem”.

Membru Parlamentari Ewropew Grieg enfasizza l-ħtieġa li kull kumpanija fl-Ewropa għandu jkollha indirizz fiskali fl-Ewropa. Dan isir biex tiġi assigurata li ma ssirx evażjoni tat-taxxa fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Tenna li dan ma sarx għax skont hu “m’hemmx rieda politika għax filfatt numru ta’ kumpaniji huma ta’ politiċi nfushom.”
Il-Kummissjoni Ewropea tkompli tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa
Il-Kummissarju Ewropew Pierre Moscovici qal li l-Kummissjoni se tkun qed tippubblika aktar inizjattivi ambizzjużi biex tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa.
Fost l-inizzjattivi semma’ lemenda biex tiġi rregolata s-sitwazzjoni tal-ħasil tal-flus u l-problema ta’ transazzjonijiet anonimi li l-Ewropa qed taffaċja ma’ pajjiżi terzi.
Il-Kummissarju Moscovici responsabbli mill-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji tal-Unjoni Ewropea qal li l-presidenza Olandiża qed taħdem fuq l-istess affarijiet biex l-UE tkompli tagħmel progress.
Għalaq id-diskors tiegħu fil-Parlament billi qal li l-Kummissjoni tista’ biss tipproponi u għalhekk xogħolha kienet għamiltu minn ferm qabel.