
Read in English.
Il-Papa Franġisku talab lill-pubbliku sabiex jieqaf jisfrutta l-ġisem tal-mara. Dan kien il-messaġġ ewlieni tiegħu waqt iċ-ċelebrazzjoni fil-jum li l-Knisja Kattolika madwar id-dinja kollha tiddedika għall-Paċi, fis-Solennità ta’ Marija Omm Alla.
Il-Papa spjega li Alla sar bniedem f’ġuf ta’ mara, u kien hemm meta Alla u l-bniedem ingħaqdu. Qal li fl-ewwel jum tas-sena, l-Insara jiċċelebraw din l-unjoni bejn Alla u l-bniedem, li saret f’ġuf ta’ mara. Għaldaqstant insista li ma hemmx salvazzjoni mingħajr in-nisa.
Irrimarka kif filwaqt li n-nisa huma sors tal-ħajja, huma jiġu kontinwament mgħajra, mhedda, stuprati u użat. Qal li l-ġisem tal-mara hemm bżonn li jiġi rispettat u mhux użat għal skopijiet ta’ pjaċiri.
Spjega li llum il-ġurnata, l-ommijiet jiġu umiljati. Qal li dan hekk kif l-unika interess tal-bniedem sar kif se jikber ekonomikament. Qal li skont il-Bibja, il-mara dejjem tidher fil-kulminazzjoni tal-kreazzjoni, li tiġġenera u tipproteġi l-ħajja, filwaqt li tieħu ħsieb ta’ kollox.
Il-Papa sostna li l-Verġni Marija, fl-Evanġelju tal-lum tifraħ għat-twelid ta’ binha, tħoss id-dwejjaq li ma sabitx post fejn twelled lil binha għajr għar kiesaħ, u tħoss l-imħabba lejn Ġużeppi. Qal li Marija kienet tħares lejn kollox minn qalbha u b’hekk kienet tafda kollox f’idejn Alla. Qal li dawk kolha li jaħsbu b’qalbhom jaraw sew, għax jafu kif għandhom iħarsu lejn il-proxxmu u fih jaraw lil Alla.
Filwaqt li din iċ-ċelebrazzjoni li ssir fil-Bażilika ta’ San Pietru, fil-Vatikan f’Ruma, bdiet fl-10am, f’Malta l-Arċisqof Charles Scicluna mexxa ċelebrazzjoni simili għall-ħabta tad-9am.