“Wara 5 snin għadna nibku eluf ta’ mwiet” – il-Papa

Il-Papa Franġisku saħaq li wara ħames snin minn meta żar Lampedusa, id-dinja għadha tibki eluf ta’ mwiet.

Fl-omelija tiegħu dalgħodu waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddies għall-immigranti, il-Papa qal li l-foqra huma vittmi tal-kultura tal-ħela. Semma kif fost dawn in-nies, hemm l-immigranti li kontinwament qed iħabbtu l-bibien ta’ nazzjonijiet bit-tama għal futur aħjar.

Huwa fakkar fl-appell li kien għamel ħames snin ilu għar-responabbiltà umana sabiex tingħata l-għajnuna lil dawn in-nies, iżda li sal-lum il-ġurnata għadna nisimgħu u nibku lill-eluf ta’ mwiet. Appella sabiex aħna lkoll noffru l-għajnuna tagħna u nsemmgħu leħinna quddiem l-inġustizzji li hemm quddiem għajnejna.

Il-Papa qal li għandu jkun hemm impenn, fedeltà u ġudizzju ġust mill-gvernijiet fid-dinja u min-nies ta’ rieda tajba. Qal ukoll li qed iżomm taħt għajnejh l-isforzi li qed isiru mill-komunità internazzjonali u kif qed jirrispondu għall-isfidi li qed isibu f’dan il-qasam.

Huwa għalaq l-omelija billi qal li xtaq jiċċelebra l-ħames anniversarju tiegħu minn meta żar Lampedusa. Il-Papa irringrazzja lil dawk li salvaw lill-immigranti kif ukoll lil dawk li kienu salvati mill-Baħar Mediterran. Irringrazzjahom tax-xogħol li għamlu ma’ ħuthom mingħajr ma qagħdu jaħsbuha darbtejn.

Huwa wera mill-ġdid is-solidarjetà u l-kuraġġ lejn dawk li kienu salvati hekk kif stqarr li huma xhieda tat-tama f’dinja fejn hija aktar konċernata dwar il-preżent bi ftit li xejn viżjoni lejn il-futur.

Iż-żjara tal-Papa f’Lampedusa fit-8 ta’ Lulju tal-2013, immarkat l-ewwel vjaġġ uffiċjali tal-Papa barra Ruma. Dakinhar Franġisku kkundanna dak li sejjaħ “il-globalizzazzjoni tal-indifferenza”.

Aqra aktar dwar dan f’editorjal ta’ Newsbook.com.mt.