Filmat: Negozji li reġgħu fetħu se jibqgħu jibbenefikaw mill-miżuri ekonomiċi

Read in English.

Negozji li fetħu nhar it-Tnejn li għadda se jibqgħu jibbenefikaw mill-miżuri ekonomiċi li qed joffri l-Gvern minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri f’konferenza tal-aħbarijiet li indirizza dalgħodu. Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll minn Kurt Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise.

Il-Ministru spjega li dawk li applikaw għall-iskema tas-suppliment għall-paga sal-aħħar t’April se jirċievu l-pagamenti għal Marzu u April, imma dawk li applikaw f’Mejju se jieħdu l-pagamenti f’Mejju u f’Ġunju.

Waqt il-konferenza, il-Ministru ta l-aħħar aġġornamenti fuq il-miżuri maħsubin biex jgħinu lin-negozji f’din il-pandemija.

It-total ta’ applikazzjonijiet li rċeviet il-Malta Enterprise huwa ta’ 58,000, bżieda ta’ 5,300 tul din il-ġimgħa.

Rigward il-miżura għax-xogħol mid-dar:

  • Daħlu 655 applikazzjoni
  • 181 minnhom ġew proċessati
  • 157 ġew aċċettati
  • 474 għadhom pendenti

Minn din l-iskema diġà ngħataw €150,000.

Dwar il-miżura tal-leave minħabba l-kwarantina:

  • Daħlu 1,632 applikazzjoni
  • 1,444 ġew proċessati
  • 188 għadhom pendenti

Din il-miżura diġà kopriet 2,025 impjegat u ngħataw €708,751.

Għall-miżura tal-iskema tal-paga supplimentari, applikaw dawn in-negozji:

  • Kumpaniji – 4,867
  • Self-employed – 14,133
  • Oħrajn – 885
  • Total t’applikazzjonijiet – 19,885

Mid-19,885 applikazzjoni li daħlu, ġew salvati 88,461 impjieg f’Malta u 4,653 impjieg f’Għawdex, skont ma qal il-Ministru. Dan ifisser li ġew salvati total ta’ 93,114-il impjieg.

Il-Ministru qal li impjegati li jaqgħu taħt Anness A bħala kategorija żdiedu b’4,777 u dawk li jaħdmu part-time żdiedu b’503 mill-ġimgħa li għaddiet. Sal-lum, ingħataw €33.6 miljun lil kumpaniji u impjegati li jaqgħu taħt Anness A.

Fil-każ ta’ kumpaniji li jaqgħu taħt Anness B, il-Ministru qal li daħlu 3,047 applikazzjoni u ngħataw €1.5 miljun.

Il-Ministru semma wkoll li università Amerikana klassifikat lil Malta fl-ewwel post bħala l-aktar pajjiż fid-dinja li qed jgħin lill-ħaddiema tiegħu ekonomikament.

Fil-konferenza tal-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru ħabbar li l-iskema tas-suppliment tal-paga li qed tingħata sabiex jiġu salvati kemm jista’ jkun impjiegi, se tibqa’ tingħata f’Mejju u f’Ġunju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn