Filmat: L-edukaturi jistgħu jitilgħu skala jekk isegwu korsijiet online

Read in English.

L-edukaturi kollha, kemm għalliema, kif ukoll Learning Support Educators, jistgħu jsegwu korsijiet ta’ taħriġ online offruti mill-Istitut għall-Edukazzjoni u jitilgħu skala oħra fis-salarju permezz tal-Accelerated Progression Scheme.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu, il-Kap tal-Istitut għall-Edukazzjoni Joanne Grima ħabbret illi qegħdin isiru korsijiet ta’ taħriġ online b’xejn għall-edukaturi u għall-ġenituri fuq diversi suġġetti, mill-matematika sal-ortografija tal-Malti.

Dan wara li l-iskejjel kollha għalqu minħabba l-imxija tal-coronavirus fit-13 ta’ Marzu. Il-Gvern ħabbar li din is-sena skolastika se titkompla b’lezzjonijiet online, peress li l-iskejjel mhumiex se jerġgħu jiftħu din is-sena skolastika.

Huma u jagħmlu s-sessjoni, l-edukaturi għandhom ċans japplikaw għall-Accelerated Progression Scheme. Meta l-edukatur jakkumula 360 siegħa ta’ taħriġ online, javvanza għall-iskala ta’ salarju li jmiss fi żmien sitt snin. Kors ta’ 1 ECTS isarraf f’25 siegħa ta’ xogħol. Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal li kien importanti li l-edukaturi jingħataw dan l-inċentiv biex jidħlu u jieħdu sehem fil-korsijiet online. Il-ġenituri qed jingħataw il-ħiliet biex jgħinu lil uliedhom jitgħallmu.

Joanne Grima, il-Kap tal-Istitut għall-Edukazzjoni, qalet li l-istitut kien diġà preparat biex isir istitut li jaħdem b’mod virtwali, għalhekk il-lekċerers kienu diġà mħejjin għat-tagħlim online. Hija spjegat li riedu joffru xi ħaġ’oħra għall-edukaturi u l-ġenituri, għalhekk bdew joffru sessjonijiet b’xejn fuq suġġetti varji. Kellhom aktar minn 140 applikazzjoni mingħand l-edukaturi, u 475 applikazzjoni mill-ġenituri, u dawn għadhom deħlin. Hemm ‘il fuq minn 40 sessjoni għall-ġenituri, u aktar minn 17 għall-edukaturi li qed jiġu offruti bejn April u Ġunju.

Rigward l-għajnuna li qed tingħata lit-tfal li l-familji tagħhom ma jaffordjawx laptop jew riżorsi oħra, il-Ministru qal li se jagħtu aktar aġġornamenti fil-jiem li ġejjin peress li kien hemm żviluppi pożittivi.

Qed niddiskutu mal-MUT biex jinġabar il-materjal tal-istudenti – Il-Ministru

L-iskejjel ingħalqu bil-ħsieb li se jinfetħu ma jdumux, qal il-Ministru, u b’hekk ħafna affarijiet tħallew fl-iskejjel. Wara talba ġenerali mill-ġenituri għal permess biex jiġbru l-materjal ta’ wliedhom, il-Ministru qal li dan jirrikjedi l-involviment tal-għalliema u l-MUT ħarġet direttiva biex titlob lill-għalliema biex dawn ma jipparteċipawx minħabba t-tbegħid soċjali. Għaddejjin taħditiet bejn l-MUT u l-Gvern. Il-Gvern qed jipproponi li jkun hemm żewġ skedi: waħda għall-għalliema, u oħra għall-ġenituri biex imorru għall-affarijiet jumejn jew tlett ijiem wara.

Is-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni Frank Fabri qal li t-tfal li kienu jattendu ċentri taċ-childcare qegħdin jieħdu servizz online b’xejn. L-edukazzjoni kollha, mill-kindergarten sal-Università, tmexxiet online. Fabri semma wkoll tagħlim lill-adulti li qed isir online, kif ukoll l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u Sport Malta li qegħdin joffru l-attivitajiet tagħhom b’mod virtwali wkoll.

Tista’ tapplika għal dawn il-korsijiet minn hawn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn