Filmat: Xi nies talbu li jieqfu jieħdu l-benefiċċju għax irritornaw ix-xogħol

Read in English.

Minn mindu bdiet il-pandemija tal-coronavirus, daħlu kważi 10,000 applikazzjoni għall-benefiċċji li qegħdin jingħataw lill-ġenituri, lill-persuni b’diżabbiltà, benefiċċji mediċi u lil dawk li ma jistgħux imorru għax-xogħol. Xi nies talbu li jieqfu jieħdu l-benefiċċju issa li rritornaw għax-xogħol jew bdew jaħdmu mid-dar.

Il-Ministru għas-Sigurtà Soċjali Michael Falzon ta aġġornament dwar il-miżuri fil-qasam tas-sigurtà soċjali b’rabta mal-imxija tal-coronavirus, flimkien mas-Segretarju Permanenti Mark Musù.

Il-benefiċċji diskussi f’din il-konferenza tal-aħbarijiet huma ta’ ġenitur, ta’ persuni b’diżabbiltà, ta’ min jieħu ħsieb lil uliedhom u persuni vulnerabbli. Jingħataw €800 fix-xahar għall-full-timers u €500 għall-part-timers, u mbagħad minn dan jitnaqqas 10% għall-ħlas tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà.

In-numru ta’ applikanti llum tela’ għal 9,600. Is-Segretarju Musù spjega li issa qed ikun hemm bejn 500 u 600 applikant fil-ġimgħa. Issa li s-sitwazzjoni kkalmat daqsxejn, kull applikazzjoni li tidħol tinħadem kważi immedjatament. B’hekk issa l-ispiża totali qabżet is-€7 miljun.

Kien hemm uħud li talbu li jitwaqqaf il-benefiċċju peress li xi ġenituri rritornaw għax-xogħol jew irranġaw biex jaħdmu mid-dar. Uħud sabu impjieg u m’għadhomx qed jiksbu l-benefiċċju tal-qgħad.

28% tal-benefiċjarji huma rġiel u 72% huma nisa. Dan jirrifletti l-aktar il-benefiċċju ta’ ġenitur, peress li 11.7% huma rġiel li qed jirċievu l-benefiċċju tal-ġenitur, filwaqt li s-sitwazzjoni fil-benefiċċji l-oħrajn hija waħda differenti.

Żdiedu b’ħamsa n-nazzjonalitajiet ta’ persuni li qegħdin jitolbu benefiċċju. Issa hemm 68 nazzjonalità differenti, apparti Malta li qegħdin jiksbu l-benefiċċju. 83.8% minn dawk li qegħdin jiksbu l-benefiċċji huma Maltin.

Intlaħaq numru rekord ta’ emails mibgħuta lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Madwar 2,500 email għadhom pendenti minn madwar 40,000 email irċevut.

Musù ta statistika wkoll dwar it-telefonati li qegħdin isiru lid-diversi helplines imwaqqfin għal għanijiet differenti.

Il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali qassmet 15,000 xirja lill-familji vulnerabbli.

Is-Segretarju Permanenti Mark Musù qal li llum jaħbat l-64 anniversarju mindu fil-Parlament għaddiet l-ewwel liġi tas-Sigurtà Nazzjonali. Il-Ministru Falzon irringrazzja lill-impjegati kollha li qegħdin jaħdmu qatigħ biex dan is-servizz jitwassal b’suċċess u appella biex in-nies jibqgħu jsegwu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Fl-aħħar konferenza, il-Ministru qal li n-numru ta’ applikazzjonijiet għall-benefiċċji qed jonqsu. S’issa daħlu 9,095 talbiet li minnhom inħadmu 8,793 (96.7%). L-ispiża f’dan ir-rigward s’issa kienet ta’ €5.8 miljun li tinkludi l-ħlas tal-bolla.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn