Filmat: Modi ġodda ta’ assessjar għall-istudenti tal-ITS

Read in English.

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli ħabbret riżultati ta’ stħarriġ li sar mal-istudenti tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi dwar l-esperjenza tagħhom tal-lezzjonijiet online. Ħabbret ukoll miżuri ġodda ta’ assessjar għal dawn l-istudenti fid-dawl tal-imxija tal-coronavirus.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll miċ-Chairman tal-ITS Carlo Micallef u mill-Kap Eżekuttiv tal-Istitut Pierre Fenech.

99.1% tal-istudenti jipparteċipaw f’sessjonijiet online

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-ITS kien wieħed mill-iktar istituzzjonijiet edukattivi li mill-ewwel ħarġu inizjattivi ta’ lezzjonijiet online. Qalet li l-proġett tal-online platform ma bediex minħabba li bdiet il-COVID-19, imma kien proġett li kien diġà għaddej minn qabel. Stqarret li 99.1% tal-istudenti qed jipparteċipaw f’dawn is-sessjonijiet.

Min-naħa tiegħu, Carlo Micallef qal li jieħu pjaċir jinnota li l-ITS kien fost l-ewwel istituzzjonijiet li kompla l-lezzjonijiet tiegħu online. Qal li din kienet xi ħaġa li ntlaqgħet tajjeb ukoll mill-istudenti.

Modi ta’ Assessjar

Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech tkellem fuq l-assessjar tal-modules teoretiċi hekk kif l-eżamijiet mhux se jkunu jistgħu jsiru bħal qabel. Qal li suġġetti differenti se jiġu assessjati b’modi differenti. Qal li f’każ li student ifalli minn dan l-assessjar se jingħata ċans jerġa’ jagħmel it-test. Qal li l-letturi se jkunu qed ikellmu lill-istudenti tagħhom dwar kif se jsir fl-assessjar.

Fenech tkellem ukoll dwar l-eżamijiet u s-sessjonijiet prattiċi. Qal li minkejja dan, huma qed jingħataw gwida ta’ x’jistgħu jagħmlu biex jipprattikaw id-dar.

Is-sessjonijiet prattiċi

Intant semma li bħalissa qed iħarsu lejn meta l-ħajja terġa’ tiġi lura għan-normal, u b’hekk f’Settembru, is-sessjonijiet prattiċi li kellhom isiru matul is-sena jsiru sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jlaħħqu b’mod effettiv.

Ir-resits

Hu tkellem dwar ir-resits li kellhom isiru f’Ġunju. Dawn se jiġu posposti minn Ġunju għal Settembru. Qal li l-ITS dejjem kienet magħrufa għall-prattika kemm lokali u anke internazzjonalment. Spjega li l-lezzjonijiet relatati mal-LITP se jiġu kkanċellatti, u dawk li ma kellhomx esperjenza ta’ prattika se jingħataw assignment li jikkompensa għal dan.

Placements barra minn Malta

Dwar l-international placements li s-soltu jagħmlu l-istudenti tagħhom, Fenech qal li dawk li kellhom jiġu lura u jtemmu ħesrem dan il-perjodu ta’ studju, se jingħataw il-credits tal-placement. Intant, dawk li kellhom japplikaw għal placement iżda issa mhux se jkunu jistgħu jagħmluh se jingħataw il-possibiltà li jidħlu għall-Higher Diploma imbagħad ikunu jistgħu japplikaw għal opportunità barra mill-pajjiż is-sena d-dieħla.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Fenech qal li 80% tal-istudenti qalu li huma sodisfatti daqslikieku qegħdin fil-klassi. Qal li b’hekk hu konvint li aktar ma jgħaddi żmien aktar se jissaħħu.

Mistoqsija dwar kif se jirpilja s-settur tat-Turiżmu, il-Ministru Farrugia Portelli sostniet li r-responsabbiltà hija ta’ kulħadd li jobdi lill-awtoritajiet tas-saħħa biex il-pajjiż ifieq kemm jista’ jkun malajr. Qalet li mal-mument li l-pajjiż ikun sigur, hemm kampanja interna u mekkaniżmi differenti li se jintużaw se jaraw li t-turiżmu jerġa’ jieħu spinta. Qalet li l-ewwel buttuna li se tixgħel hija dik tat-turiżmu.

Mistoqsijin dwar il-modi tal-assessjar alternattivi, Fenech spjega li l-assessjar differenti diġà jsir. Qal li hemm suġġetti assessjati b’eżami, assignment u oħrajn. Qal li l-assessment ta’ suġġetti li kienu jsiru permezz ta’ eżami, jew parzjalment permezz ta’ eżami. Dawn se jsiru b’modi differenti jew online.

Mistoqsija jekk l-istudenti kurrenti hux se jkunu żvantaġġjati, il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-għan huwa li ħadd mill-istudenti ma jkunu żvantaġġjati. Qalet li se jiġi mħabbar prospektu ġdid.

Min-naħa tiegħu, Fenech qal li l-livell tal-korsijiet li qed joffru ma naqas xejn minnu. Dak li kienu jagħmlu fil-kurrikulu fis-snin ta’ qabel ma naqas xejn, l-unika ħaġa differenti huwa l-assessjar. Insista li l-learning outcomes baqgħu eżattament l-istess.