Filmat: Ir-ristoranti tittiħdilhom il-liċenzja jekk ma jsegwux ir-regoli l-ġodda

Read in English.

Iċ-Chairperson tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg qal li jekk ir-ristoranti jinqabdu li mhumiex isegwu r-regoli l-ġodda ladarba jiftħu nhar il-Ġimgħa li ġej, dawn tista’ tittiħidilhom il-liċenzja.

Illum saret konferenza tal-aħbarijiet indirizzata wkoll mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli wara li lbieraħ tħabbar li nhar il-Ġimgħa se jerġgħu jiftħu r-ristoranti, il-lukandi permessi biex jilqgħu n-nies, u pixxini fuq barra se jitħallew jintużaw ukoll. F’din il-konferenza ġew spjegati l-miżuri preventivi li se jittieħdu f’dawn il-postijiet biex tiġi salvagwardjata s-saħħa tal-pubbliku f’dan iż-żmien tal-pandemija tal-coronavirus.

Il-Ministru bdiet il-konferenza billi qalet li l-aqwa branding li se jkollha Malta għat-turiżmu minn nhar il-Ġimgħa li ġej huwa ta’ pajjiż sigur. Qalet li r-ristoranti u l-bajjiet se jkunu siguri aktar minn qatt qabel. Il-Ministru qalet li għalkemm l-ajuport huwa magħluq, din is-sena l-pubbliku xorta se jingħata ċans jieħu pawża ta’ mistrieħ, permezz tat-turiżmu f’Malta stess.

Iċ-Chairman tal-MTA Johann Buttigieg qal illi l-formulari jridu jimtlew kuljum, għaliex dawn jitqiesu bħala dikjarazzjoni li huma ċċekkjaw kull oġġett imsemmi fil-protokoll.

Il-lista sħiħa ta’ miżuri li ġew illaxkati
Filmat: “Inkomplu nirritornaw għan-normal nhar il-Ġimgħa – il-PM

Fil-każ tar-ristoranti, menùs, melħ, bżar, ketchup, eċċ. għandhom jiġu offruti b’tali mod jintużaw darba u jintremew. Inkella, ketchup jew mayonnaise jista’ jiġi offrut fi skutella, iżda din imbagħad għandha tinħasel fid-dishwasher bil-grad 65. M’għandux ikun hemm kjus barra r-ristoranti. Jekk ikun hemm nies li jixtiequ jieklu fit-tali post, iżda ma jkunx hemm post għalihom, għandu jittieħed in-numru tal-mowbajl tagħhom u dawn jiġu kkuntattjati ladarba jkun hemm mejda vojta. Dr Buttigieg żied jgħid li fil-każ ta’ każini, pereżempju, għandu jkun hemm servizz ta’ wejter u ħadd ma jista’ jisserva minn mal-bar.

Stabbilimenti li mhumiex imqabbdin mas-sistema tal-ilma tal-Gvern u ilhom ma jħaddmu s-sistema aktar minn xahar iridu jiksbu ċertifikazzjoni, minħabba l-laġonella.

Kull lukanda għandu jkollha n-numri tal-awtoritajiet tas-saħħa disponibbli, partikolarment in-numru 111. Il-pagamenti għandhom ikunu b’cards contactless jekk possibbli.

Il-bajjiet se jitnaddfu kuljum, u l-operaturi ma jistgħux jarmaw qabel isir it-tindif kull filgħodu. Irid ikun hemm distanza ta’ żewġ metri bejn id-deckchairs. In-nies huma inkoraġġiti jibbukkjaw id-deckchairs minn qabel. Mhux se jkun permess użu ta’ portable toilets u xawers. It-toilets pubbliċi se jitnaddfu kull siegħa. Apparti dan, l-MTA ħarġet sejħa għal superviżuri għall-bajjiet, li se jkunu hemm biex jgħinu u jedukaw lin-nies fuq kif għandhom joqogħdu fuq il-bajja sabiex iħarsu r-regolamenti tas-saħħa.

Fil-każ tal-pixxini li huma permessi biss fuq barra u mhux ġewwa, il-hand dryers mhumiex permessi, imma għandhom jintużaw paper towels minflok. Min juża l-pixxina jrid juża diżinfettant qabel jidħol.

Mil-lum il-helpline tal-MTA huwa miftuħ għall-mistoqsijiet mingħand stabbilimenti tal-ikel u lukandi biex jekk huma lesti li jiftħu, isiru l-ispezzjonijiet neċessarji u jingħataw ċertifikat li jitwaħħal ma’ barra li jiggarantixxi li t-tali post ikun sigur. Il-helpline huwa 21692447.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija stqarret li s-sitwazzjoni mhijiex waħda stabbli kif qegħdin jgħidu l-awtoritajiet, u l-Isptar Mater Dei ffaċċja l-agħar 10 ijiem tiegħu fl-10 ijiem li għaddew. Barra minn hekk, il-MAM saħqet li r-regoli fir-ristoranti għandhom jiġu infurzati b’multi u mhux jitħallew sempliċiment linji gwida.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn