Filmat: Multa ta’ €100 għal kull min ikun fi grupp ta’ 4 jew aktar

Aġġornat 09:48 PM

Read in English.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ħabbar li se tiddaħħal multa ta’ €100 għal persuni li jkunu fi gruppi ta’ erba’ jew aktar. Dan permezz ta’ Avviż Legali se jħalli biss gruppi ta’ tliet persuni li jistgħu jkunu flimkien f’postijiet pubbliċi.

Lejlet Jum il-Ħelsien, li hija festa pubblika, il-Ministru ħabbar il-miżuri ġodda kontra l-imxija tal-coronavirus li l-Gvern qabel fuqhom f’laqgħa tal-Kabinett. Huwa talab lil kulħadd biex isegwi dawn id-direttivi għax fi kliemu qal li jinsab irrabjat li ra filmati u ritratti ta’ persuni li lbieraħ ħarġu minkejja dawn id-direttivi.

Fisser li jekk ikun hemm erba’ persuni jew aktar se jiġu mmultati €100 kull persuna.

Il-kavallerija se toħroġ twaqqaf il-picnics

Il-Ministru qal ukoll li se jkun qed jiġi llimitat is-servizz tal-Wi-Fi fi spazji pubbliċi biex jitnaqqsu l-gruppi ta’ persuni fi spazji pubbliċi. Ħabbar ukoll li l-kavallerija tal-Pulizija se toħroġ f’żoni rurali biex iwaqqfu l-picnics. Anke l-Pulizija tal-klieb se jkunu qed jgħinu permezz tar-riżorsi tagħhom biex tiġi infurzata l-liġi.

Qal li se tkun qed tiżdied il-preżenza tal-Pulizija fit-toroq biex jinfurzaw il-miżuri l-ġodda. Semma wkoll l-inizjattivi li ttieħdu mill-Pulizija fosthom li rapporti jistgħu jsiru onlajn. Stqarr li ma jeskludix li l-multa togħla skont il-ħtiġijiet jekk il-pubblika ma jsegwix dawn id-direttivi.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Ministru kkonferma li membri tal-istess familja resident fl-istess indirizz jistgħu joħorġu bħala grupp. Dan ifisser li familja bil-ġenituri u tliet itfal jistgħu joħorġu flimkien. Membri tal-istess familja li ma joqogħdux fl-istess indirizz ma jistgħux ikunu magħhom.

Intant, persuni jistgħu jibqgħu fil-kju għall-karozzi tal-linja jekk dawn iżommu d-distanza ta’ żewġ metri bejn xulxin.

Dalgħodu, il-Professur Charmaine Gauci ħabbret li hawn 156 każ ta’ Covid-19 f’Malta. Dawn jinkludu l-ħames każi ġodda li tħabbru llum.

It-Tnejn 30 ta’ Marzu
Filmat: 5 każi ġodda

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn