Filmat: Jibdew jintbagħtu l-pagamenti – Schembri

Press Conference: Details on COVID-19 Economic Support Measures

Press Conference: Details on COVID-19 Economic Support Measures

Posted by MaltaGov on Friday, April 17, 2020

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ħabbar li l-Gvern beda jibgħat pagamenti lill-kumpaniji li jinsabu f’Annex A u B.

Dal qalu waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar miżuri ekonomiċi b’rabta mal-coronavirus.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li l-aktar applikazzjonijiet ġew mill-oqsma tal-akkomodazzjoni, tat-turiżmu, u tar-ristoranti. Dawn l-oqsma jammontaw għal aktar minn nofs l-applikazzjonijiet li rċieva l-Gvern.

Il-Ministru Schembri żvela li Malta Enterprise rċeviet aktar minn 40,000 talba għal informazzjoni. Żied jgħid li ġew approvati 77 applikazzjoni tal-iskema tat-teleworking. S’issa l-infieq kien ta’ aktar minn €80,000.

Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministru dwar jekk ikunx aħjar li ħaddiema jitpoġġew f’Annex A u jieħdu €800 minflok jispiċċaw bla xogħol u jieħdu €800 peress li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom. Schembri qal li l-Gvern qed jimxi ġurnata b’ġurnata u qed jevalwa s-sitwazzjoni. Qal li l-pandemija affettwat lil kulħadd imma li din hija problema temporanja.

Newsbook.com.mt staqsa wkoll meta għandhom jirċievu risposta dawk il-kumpaniji li minn Annex B iridu jimxu għal Annex A. Din id-domanda ma ġietx imwieġba.

Dwar il-leave tal-kwarantina l-Gvern irċieva 1,298 applikazzjoni. S’issa ġew approvati 491 applikazzjoni.

Kien hemm 12,161 persuna self-employed li ssottomettew applikazzjoni għall-wage-supplement. Applikazzjonijiet minn kumpaniji kien hemm 4,026. Skont Schembri l-Gvern s’issa salva madwar 77,000 impjieg.

Schembri qal li kull applikazzjoni ġenwina se tintlaqa’. Spjega li l-għan prinċipali tal-Gvern bħalissa huwa li jassigura li n-nies ikollhom social wage. Għal min jaħdem full-time imma jaħdem part-time ukoll, il-Gvern se jkun qed jiffoka fuq ix-xogħol primarju tal-persuna.

Il-Kap Eżekuttiva ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li minħabba l-coronavirus kien hemm qabża kbira fl-ammont ta’ applikazzjonijiet li kienet qed tipproċessa din l-entità. Spjega li qed issir verifika biex min ikun ħa supplement għal impjieg full-time ma jieħux l-istess pakkett għall-impjieg part-time li jkollu. Hemm madwar 11,000 applikazzjoni pendenti minħabba kwistjonijiet ta’ verifika.

Skont Farrugia, s’issa ma kienx hemm każi ta’ abbuż u li jidher li l-proċessi ta’ verifika qed jaħdmu.

Schembri qal li s-sitwazzjoni preżenti wriet li t-teleworking jaħdem u li jista’ jkun soluzzjoni għal diversi negozji. Però żied jgħid li mhux kull xogħol jista’ jsir bit-teleworking.

Skont il-Ministeru għall-Eknomija, aktar minn 17,000 negozju applikaw għas-Suppliment tas-Salarju. Madwar €5 miljun ġew imħallsa għas-suppliment tal-pagi COVID-19 li jkopru madwar 12,700 impjegat. Dan jinkludi dawk li jibbenefikaw mis-Suppliment parzjali tal-paga COVID-19. Il-pagamenti se jkopru x-xhur ta’ Marzu u April b’investiment ta’ €100 miljun. Fir-rigward tal-Iskema tat-Telework, €81,124 tħallsu sa issa li jkopru 64 applikazzjoni. Għal dan l-inċentiv, ġew irċevuti 291 applikazzjoni li minnhom 77 ġew approvati filwaqt li 214 huma fl-istadju ta’ evalwazzjoni.

Dwar l-inċentiv lil min iħaddem għall-ispejjeż imġarrba sabiex jiġi appoġġjat il-leave tal-kwarantina tal-impjegat, €49,350 diġà ġew imħallsa u dan għandu jiżdied għal €171,500 li jkopri 490 impjegat. Għal dan l-inċentiv, daħlu 1298 applikazzjoni li minnhom 491 ġew approvati s’issa u 807 huma pendenti.

Gvern Laburista mhux se jippermetti li l-Air Malta tispiċċa – Schembri

Il-Ministru Silvio Schembri qal li Gvern Laburista mhux se jippermetti li l-Air Malta tispiċċa. Però qal li se jkollhom jittieħdu deċiżjonijiet “ibsin”.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn