Filmat: Daqshekk dgħajjes tat-turisti f’Għawdex

Il-Gozo Channel l-unika mezz ta' trasport lejn Għawdex

Read in English.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li minn għada se jibdew jiġu skrinjati l-passiġġieri li jitilgħu fuq il-vapuri tal-Gozo Channel li se jkun l-unika mezz li wieħed jidħol f’Għawdex. Dan peress li miżura oħra li se tidħol fis-seħħ hija dik dwar id-dgħajjes tat-turisti li b’koordinazzjoni mal-uffiċjali ta’ Trasport Malta dawn mhux se jitħallew jirmunkaw f’Għawdex.

F’komunikazzjoni li ntbagħtet lis-sidien tad-dgħajjes f’Għawdex il-Gvern indika li filwaqt li huma mhux se jitħallew joperaw, operaturi oħra Maltin jistgħu jaħdmu lejn Kemmuna għax joperaw miċ-Ċirkewwa jew mill-Marfa.

Il-Ministru Camilleri appella biex ħadd ma jaqsam bejn iż-żewġ gżejjer jekk mhux għal skop ta’ xogħol, kura medika jew ‘supply chain services’.

Stqarr li jekk jirriżulta każ ta’ Covid-19 f’Għawdex hemm preparamenti biex jinkera vapur tal-Gozo Channel li jkun chartered għal dan l-għan biss. Ħabbar ukoll li f’każ li s-sitwazzjoni teskala se jiġu assigurati ammont ta’ sodod fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex il-pazjenti jiġu kkurati f’Għawdex stess.

Huwa appella lil dawk li jimpjegaw ħaddiema Għawdxin biex jimplimentaw l-inizjattiva tat-teleworking. Semma wkoll l-inizjattivi li diġà saru bħal li jinfetħu l-bibien tal-vapur li jagħtu għal barra u li kull filgħaxija jiġu diżinfettati l-vapuri. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema tal-Gozo Channel, tal-isptar Ġenerali ta’ Għawdex u lill-forzi tal-ordni għaliex huma l-aktar li qiegħdin minn ta’ quddiem biex inaqqsu r-riskji.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina indika li hemm pjanijiet aktar drastiċi iżda qal li dawn jiġu implimentati skont il-bżonn.

“Ma nistgħux nistennew iżjed” – il-ħaddiema Għawdxin lill-Ministru

Membri mill-Assoċjazzjoni għall-Ħaddiema Għawdxin f’Malta ltaqgħu mal-Ministru għal Għawdex tard il-Ġimgħa filgħaxija.

Fi stqarrija li ħarġet ilbieraħ l-Assoċjazzjoni għall-Ħaddiema Għawdxin f’Malta intqal li l-Ministru Camilleri ma laqax it-talba li jiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta u minflok ġew mitluba jagħmlu t-talbiet tagħhom lill-awtoritajiet tas-saħħa.

L-Assoċjazzjoni elenkat għadd ta’ problemi li skonta l-membri tagħha qed jaffaċċjaw b’riskju ogħla ta’ kuljum. Saħqu wkoll li prijorità għal dawn il-miżuri għandha tingħata lill-persuna l-aktar vulnerabbli b’ċerta kundizzjonijiet jew diżabilità u nisa tqal.

It-talba ewlenija tagħhom hija li minħabba li ħafna mix-xogħol li jsir mill-uffiċini jista’ jsir mid-dar u għalhekk appellaw biex jiddaħħal b’mod permanenti t-telework għall-ġimgħat li ġejjin u sakemm jibqa’ jippersisti l-coronavirus.

Issuġġerew li jkun hemm limitu aktar ristrett ta’ passiġġieri li jaqsmu bil-vapuri tal-Gozo Channel minħabba li bħalissa qed ikun hemm għadd ta’ persuni f’żona waħda. L-Assoċjazzjoni saħqet li dan jista’ jsir anke billi l-vapuri jaħdmu shuttle u b’hekk ikun hemm aktar vjaġġi b’anqas nies.

Skont l-Assoċjazzjoni, il-professjonisti Għawdxin li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u bħala membri tal-forzi tal-ordni għandu jkollhom trasport speċjali biex inaqqsu mir-riskju li jkunu esposti għall-virus.

Suġġeriment ieħor kien dwar l-indafa fejn l-Assoċjazzjoni qalet li l-vapuri għandhom jiġu diżinfettati wara kull vjaġġ.

Dwar l-iżolament ta’ dawk li jkollhom jagħmlu l-kwarantina, l-Assoċjazzjoni qalet li l-Gvern għandu joffri sapport finanzjarju minflok li l-ħaddiema jkollhom jagħmlu użu mil-leave jew ‘sick leave’ personali tagħom.

L-istqarrija ttemm b’ringrazzjament lill-għaqdiet, l-organizzazzjonijiet fil-komunità u lill-Knsija li ħadu miżuri jew ikkanċellaw l-attivitajiet tagħhom biex inaqsu mit-tixrid tal-virus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn