Filmat: Tilqima ġdida għat-trabi f’Malta

Read in English.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar tilqima ġdida li ddaħlet fil-formularju tal-Gvern. Huwa qal li din hija l-pneumococcal vaccination li tilqa’ għal mard fil-pulmun fost it-trabi. Fisser li din se tibgħata fi tliet dożi minn trabi ta’ 8 ġimgħat bit-tielet doża tingħata hekk kif it-tarbija tagħlaq sena.

Huwa qal li t-tilqim huwa essenzjali biex jiġu evitati mard infettiv. Huwa qal li l-formularju ta’ Malta joffri tilqim għal 12-il marda differenti fosthom għat-tetnu, l-polio u l-ħożba.

Il-Ministru Fearne stqarr li fl-aħħar xahrejn naqsu t-tilqim madwar Malta u Għawdex. Qal li fost ir-raġunijiet hemm li t-tobba tal-familja naqqsu l-ħinijiet u s-servizzi fil-kliniċi tagħhom. Qal li dawn is-servizzi naqsu wkoll minħabba li għalqu l-fergħat tal-bereġ fil-lokalitajiet.

Meta jkun hawn tilqima għall-coronavirus tingħata lil kulħadd b’xejn

Il-Ministru Fearne qal li meta jkun hawn fis-suq it-tilqima kontra l-Covid-19, il-Gvern se jixtri biżżejjed għall-popolazzjoni kollha u din imbagħad tingħata mingħajr ħlas. L-istess bħat-tilqima ta’ kontra l-influwenza, it-tilqima ta’ kontra l-Covid-19 l-ewwel tingħata lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, wara lil dawk l-aktar vulnerabbli u wara lill-bqija tal-popolazzjoni.

Stqarr kif bħalissa qed issir riċerka fuq dan il-vaċċin u mhux mistenni li t-tilqima tkun disponibbli qabel 6 xhur oħra. Qal li realistikament din toħroġ fis-suq fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Huwa fakkar kif min-nhar it-Tnejn li ġej dawn is-servizzi se jerġgħu jibdew jiġu offruti hekk kif il-bereġ kollha se jerġgħu jiftħu.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar l-iskeda ta’ appuntamenti għall-ġenituri li tilfu t-tilqim għal uliedhom fl-aħħar xahrejn, l-uffiċjal tas-saħħa tat numru tat-telefown fejn dawn il-ġenituri għandhom iċemplu biex jagħmlu appuntament ġdid. Hija qalet li m’hemm waiting list twila. In-numru huwa: 25680299.

Il-Ġimgħa l-Gvern ħabbar li sal-aħħar ta’ Mejju se jinfetħu l-maġġoranza tal-istabbilimenti kummerċjali, b’uħud minnhom se jibdew jiftħu mit-Tnejn li ġej. Tħabbar ukoll li mit-Tnejn il-pubbliku se jintalab jilbes maskra jekk imur f’ċertu ħwienet jew juża t-trasport pubbliku.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn