Filmat: Se ninvestigaw jekk hemmx nuqqasijiet fid-Downtown – Falzon

Read in English.

Il-Gvern se jkun qed jinvestiga jekk hemmx nuqqasijiet fil-lukanda Downtown f’Għawdex li issa qed tospita madwar 80 anzjan.

Dalgħodu t-Times of Malta qalet li hemm familji tal-anzjani li huma xxukkjati bil-kundizzjonijiet li qegħdin jinżammu fihom il-qraba tagħhom.

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon ġie mistoqsi mill-ġurnalisti dwar l-allegazzjonijiet li saru dwar id-Downtown waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Qraba ta’ żewġ pazjenti anzjani li mietu fil-lukanda kienu rrabjati dwar il-kundizzjonijiet ħżiena li kien hemm, skont it-Times.

Il-Ministru Falzon qal li ħa nota tal-allegazzjonijiet u li l-awtoritajiet se jkunu qed jaraw x’nuqqasijiet hemm. Żied jgħid li mbagħad il-Gvern se jkun qed jagħmel dak kollu possibbli biex jirranġa l-problemi li jsib. Spjega li diġà tkellem mal-korp li jagħti l-liċenzji għar-residenzi dwar l-anzjani.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Michael Falzon tkellem ukoll dwar l-għajnuna li qed joffri l-Gvern fid-dawl tal-kriżi tal-coronavirus. Spjega li s’issa ġew salvati madwar 82,000 impjieg.

Il-Ministru spjega li l-helpline 1772 għal min iħossu waħdu rċieva madwar elfejn telefonata. Mejda ta’ 81 kuljum mit-28 ta’ Marzu ‘l hawn.

Stqarr li kien hemm 560 persuna li rċevew il-bonus tat-tfal. Qal li l-Gvern ma ddeċidiex li jisspospendi dawn l-iskemi.

Falzon qal li l-Gvern ippreżenta rikors fil-Qorti biex tfal taħt il-kura tal-istat ma joħorġux mir-residenzi li jkunu fihom minħabba l-pandemija. Spejga li hemm teknoloġija li tista’ tintuża biex it-tfal jibqgħu jikkomunikaw mal-qraba tagħhom f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Falzon ikkritika lil dawk il-ġenituri li qed jużaw lit-tfal bħala arma kontra ġenitur ieħor fis-sitwazzjoni tal-coronavirus.

Sal-15 ta’ April, l-ispiża totali tal-beneffiċċji mħallsa mill-Ministeru tiegħu laħqu t-€2.6 miljun. Sat-22 ta’ April, l-ispiż telgħet għal €4.2 miljun.

Komplu ħarsu s-saħħa tal-anzjani – ACR

L-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur (ACR) appellat lill-Gvern biex ikompli jħares il-kundizzjoni tas-saħħa tal-anzjani u tal-care workers fir-residenzi.

Qalet li l-ħaddiema fir-residenzi privati, tal-Knisja, u tal-Gvern għandhom jingħataw l-ilbies protettiv meħtieġ. Qalet ukoll li l-awtoritajiet għandhom jirreġistraw imwiet ta’ anzjani bil-COVID-19 fir-rapporti dwar il-pandemija u mhux jirreġistrawhom bħala mwiet “normali”. Fil-konferenza tal-aħbarijiet, Falzon qal li l-imwiet kollha tal-COVID-19 se jkunu reġistrati.

Fil-ġimgħat li għaddew, tħabbru għadd ta’ miżuri biex jgħinu lill-familji, lill-pensjonanti, lil dawk bla xogħol u oħrajn, huma u jaffaċċjaw l-effetti tal-pandemija tal-coronavirus. F’konferenza li għamel il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru qal li 7,200 persuna japplikaw għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn