Filmat: “7,200 persuna japplikaw għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali”

Mas-7,200 applikazzjoni għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali li qed jagħti l-gvern b’rabta mal-coronavirus.

Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet li indirizza l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, dwar l-assistenza li qed tingħata f’forma ta’ miżuri ta’ sapport soċjali b’rabta mal-coronavirus.

Is-Segretarju Permanenti Mark Musu spjega l-għajnuna soċjali li qed jagħti l-Gvern fil-każi ta’ persuni li jitilfu xogħolhom.

Spjega li lbieraħ sar it-tielet proċess ta’ ħlas tal-applikazzjonijiet u l-pagamenti li qed isiru dil-ġimgħa, dawk li jitħallsu b’pagament fil-bank se jidħlulhom il-pagi llum. Qal li dawk li talbu li jitħallsu b’cheque se jkunu jistgħu jsarrfu c-cheque tagħhom.

Musu qal li issa t-talbiet telgħu għal 7,200 talba għal din l-iskema ta’ għajnuna soċjali. Qal li s’issa nħadmu aktar minn 5,000 applikazzjoni. Qal li bħalissa hemm 4,200 benefiċċjarju, bl-ispiża titla’ għal €2.6 miljun.

Intant qal li qed jiżdiedu wkoll il-kuntatti li qed isiru mad-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru. Qal li matul Marzu rċevew mas-17,000 e-mail. Spjega li madwar 1,000 minnhom ġew minn Servizz.gov. Qal li d-Dipartiment fuq l-emails tiegħu rċieva mas-16,000 e-mails. Qal li dawn mhux kollha għandhom x’jaqsmu mal-coronavirus. Intant bejn l-1 ta’ April u t-12 ta’ April il-Ministeru rċieva madwar 15,000 e-mail ieħor. Qal li l-helpline li nieda l-MInisteru rċeviet aktar minn 6,400 telefonata.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Falzon qal li wara dawn l-individwi li qed jieħdu dawn il-benefiċċji, hemm ukoll familji u persuni li huma dipendenti. Qal li jekk wieħed iħares lejn l-applikazzjonijiet li ħadu persuni li kellhom jieqfu mix-xogħol, fis-settur privat, ħafna kellhom jieqfu għax għandhom it-tfal u jridu jieħdu ħsiebhom. Qal li min-naħa tas-settur pubbliku, saru arranġamenti biex kulħadd jibqa’ jieħu l-paga tiegħu.

Falzon qal li huwa fatt li l-pandemija tal-coronavirus ħalliet effetti ekonomiċi mhux biss fuq Malta iżda wkoll b’mod globali. Qal li jawgura li din il-maltempata mad-dumx. Qal li bħala Ministeru ħadu diversi inizjattivi oħrajn li forsi ma jissarfux bil-flus imma f’affarijiet oħrajn. Semma l-helpline tas-solitudni. Qal li din qed tirċievi madwar 80 telefonata ta’ kuljum biex jiksru l-element ta’ solitudni li qed jesperjenzaw f’dan iż-żmien. Qal li hemm fond li jservi biex jgħin persuni li huma vulnerabbli li kienu jiġbru xirjiet huma, issa dawn qed jitqassmulhom fid-djar. Qal li sal-lejla se jkunu tqassmu aktar minn 1,500 kaxxa.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk hux aċċettabbli li immigranti jitħallew f’nofs ta’ baħar, Falzon qal li hu membru tal-Kabinett qal li d-deċiżjoni li ma jiddaħħlux immigranti kienet deċiżjoni tal-pajjiż u tal-Kabinett flimkien. Qal li hu jissapportja d-deċiżjoni tal-Gvern. Mistoqsi jekk għandux jirreżenja Alfred Grixti tal-FSWS wara l-kumment li għamel dwar il-bastimenti tal-NGOs, Falzon qal li hu tkellem ma’ Grixti u Grixti għamel l-apoloġiji tiegħu.

Aktar tard hu qal li mhux se jkeċċi lil Alfred Grixti.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn