Filmat: 123 tablet u 132 internet għall-istudenti li ma kellhomx

Read in English.

Fl-aħħar xahrejn ingħataw 123 tablet jew laptop lil 132 servizz ta’ internet lil studenti li ġejjin minn familji vulnerabbli. Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici ħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha tħabbar ukoll li tliet kumpaniji privati offrew aktar għajnuna lill-Ministeru biex ikompli jgħin lil studenti li huma fil-bżonn. It-tliet kumpaniji huma Avantis Systems Limited, Orange Limited u London School of Commerce Malta.

B’kollox il-Ministeru rċieva 95 tablet flimkien ma’ donazzjoni finanzjarja ta’ €19,130 li tinkludi donazzjoni mill-IIP ta’ €15,000. Il-Ministru stqarr li kieku ma kienx hemm l-involviment tas-settur privat, il-Gvern ma kienx jista’ jagħmel din il-ħidma.

Huwa qal ukoll li hemm ammont ta’ tfal li qalu li m’għandhomx internet iżda għadu ma sarx kuntatt magħhom u għaldaqstant il-Ministeru se jkompli jikkuntattjahom.

Fil-ħin tal-mistoqsijiet, il-Ministru qal li dalwaqt se jkun hemm żviluppi dwar il-benefiċċji li jingħataw lill-istudenti li jaħdmu part-time. Ħmistax ilu Newsbook.com.mt kien staqsa dwar il-benefiċċju li studenti li jaħdmu part-time kellhom jieħdu minhabba l-coronavirus iżda minħabba l-istidpendju dan il-benefiċċju ma ngħatax.

Dwar it-think tank għall-futur tal-edukazzjoni, il-Ministru qal li se jikkonsulta ma’ kulħadd. Dan għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt jekk jikkunsidrax li fit-think tank ikun hemm rappreżentanza tal-istudenti permezz tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ bħala l-fora li tiġbor l-għaqdiet tal-istudenti kollha. Huwa stqarr li t-think tank se jikkonsulta ma’ kulħadd u se jiffoka fuq l-innovazzjoni permezz ta’ blue sky thinking”.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn