Filmat: Sa €2,000 rifużjoni għal dawk li pposponew it-tieġ minħabba l-pandemija

Silvio Schembri tigijiet

Read in English.

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri dalgħodu indirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar l-iskema ta’ rifużjoni għad-depożiti mħallsin fuq tiġijiet posposti.

Il-Ministru Schembri spjega li għal din l-inizjattiva qed jiġi allokat baġit totali ta’ €2 miljun u l-iskema se tibqa’ attiva sakemm jispiċċaw il-fondi kollha.

LIVE | Minister for the Economy, Investment and Small Businesses Silvio Schembri gives details on the refund grant on the deposit paid for the postponement of wedding/civil union ceremonies as part of the Plan for the Regeneration of the Economy

LIVE | Minister for the Economy, Investment and Small Businesses Silvio Schembri gives details on the refund grant on the deposit paid for the postponement of wedding/civil union ceremonies as part of the Plan for the Regeneration of the Economy

Posted by MaltaGov on Tuesday, October 6, 2020

“Il-koppji jistgħu jibbenefikaw sa €2,000 u l-applikant eliġibbli jista’ japplika għal għotja ta’ darba biss. Il-pagamenti se jiġu trasferiti direttament fil-kont bankarju kif indikat mill-applikant fl-applikazzjoni,” qal il-Ministru Schembri. Huwa fiehem li din l-iskema tmur lil hinn mill-iskemi eżistenti għall-koppji li se jiżżewġu peress li hija mmirata biss lejn koppji li tilfu d-depożiti tagħhom minħabba l-posponiment tat-tieġ tagħhom bħala konsegwenza tal-pandemija.

Ġie spjegat li l-applikanti u l-kriterji eliġibbli għal din il-miżura huma:

  • Koppji li ċ-ċerimonja tat-tieġ/unjoni ċivili tagħhom kienet oriġinarjament mistennija li ssir bejn it-8 ta’ Marzu 2020 u t-30 ta’ Settembru 2020
  • Koppji li kellhom depożiti mħallsa fuq oġġetti u servizzi relatati maċ-ċerimonja tat-tieġ/unjoni ċivili tagħhom kif muri mid-dokumenti ppreżentati
  • Dawk li se jipprovdu s-servizzi għad-data l-ġdida tat-tieġ jistgħu jkunu differenti minn dawk ibbukkjati għall-ewwel data tat-tieġ.

Il-proċess ta’ applikazzjoni għandu jitwettaq online permezz ta’ sit elettroniku uffiċjali li permezz tiegħu l-applikanti għandhom jipprovdu dettalji tal-irċevuti tad-depożiti mħallsa, dettalji tal-irċevuta fiskali finali tal-oġġett u s-servizzi provduti, u kwalunkwe dokumentazzjoni oħra meħtieġa li tiġi sottomessa.

Id-dokumenti sottomessi jridu jinkludu:

  • Kopja tal-invoices u tad-depożitu mħallas
  • Kopja tal-irċevuta fiskali finali ta’ oġġetti u servizzi pprovduti
  • Kopja tal-kuntratti oriġinali u l-emendi sussegwenti
  • Dikjarazzjoni tal-bejjiegħ/min se jipprovdi s-servizz li d-depożitu oriġinali ġie miżmum.

L-applikazzjoni għandha tinkludi d-dokumentazzjoni u d-dettalji kollha meħtieġa u għandha tiġi sottomessa online lill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi sa mhux aktar tard minn sitt xhur minn meta ġiet ippjanata ċ-ċerimonja taż-żwieġ/unjoni ċivili.

Għal aktar informazzjoni u biex tapplika wieħed għandu jżur dan is-sit elettroniku.