Filmat: “Qatt ma kien hemm sitwazzjoni fejn il-Gvern ma ħax il-pariri tas-Saħħa Pubblika” – Fearne

MALTIN B’SAĦĦITNA ‘L QUDDIEM Deputy Prime Minister and Minister for Health Chris Fearne and Minister for Finance and Financial Services Edward Scicluna deliver a press conference

MALTIN B’SAĦĦITNA ‘L QUDDIEM Deputy Prime Minister and Minister for Health Chris Fearne and Minister for Finance and Financial Services Edward Scicluna deliver a press conference

Posted by MaltaGov on Tuesday, October 20, 2020

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li qatt ma kien hemm sitwazzjoni fejn il-Gvern irrifjuta l-pariri mogħtija lilu mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci.

Dan qalu bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti meta qed jindirizza konferenza flimkien mal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna dwar il-baġit imħabbar mill-Gvern ilbieraħ.

Dr Fearne qal li sa mill-bidu tal-pandemija, hu u l-Prim Ministru Robert Abela żammew kuntatt ma’ Prof. Gauci ta’ kuljum sabiex jaġġornaw lil xulxin bl-aħħar żviluppi fuq il-coronavirus f’Malta. Stqarr li l-Gvern dejjem mexa mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa, imma l-awtoritajiet tas-saħħa jifhmu wkoll li fejn jidħlu deċiżjonijiet, għandu jkun il-Gvern li jiddeċiedi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal aktar minn darba li hu ċert li l-Prim Ministru Robert Abela oppona xi miżuri li riedet li jittieħdu s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika. F’laqgħa magħha lbieraħ, huwa tenna l-ħtieġa li tkun hi li tieħu deċiżjonijiet importanti fejn tidħol is-saħħa tal-poplu, u mhux il-PM jew il-Gvern.

Intant, f’intervista fuq 103 Malta’s Heart, il-President tal-MAM Dr Martin Balzan qal li hu jaf fiċ-ċert ukoll li kien hemm drabi meta l-Gvern mar kontra dak li ssuġġeriet Prof. Gauci.

Mistoqsi jekk dan hux se jkun l-aħħar baġit tiegħu, il-Ministru Edward Scicluna qal li ma jistax iwieġeb din il-mistoqsija, peress li hi fil-prerogattiva tal-Prim Ministru li jagħżel lil min jaħtar f’liema kariga.

Dan wara li kien hemm spekulazzjoni li Clyde Caruana li għadu kemm inħatar Membru Parlamentari lbieraħ, jaf jieħu post il-Ministru Edward Scicluna bħala Ministru ta-Finanzi. Scicluna ilu jokkupa din il-kariga mill-2013, meta tela’ l-Partit Laburista fil-Gvern.

Il-konferenza kienet dwar il-baġit tal-bieraħ, li Prof. Scicluna qal li jrid jitqies fil-kuntest, bid-daqqa ta’ ħarta li qalgħet l-ekonomija fuq il-coronavirus. Dr Fearne qal li meta jara baġit bħal dan iħossu kburi li jagħmel parti mill-Gvern.

Iż-żewġ Ministri fissru li dan il-baġit juri kemm kien għaqli l-Gvern li faddal għal meta jasal żmien ta’ diffikultajiet ekonomiċi. Huma qalu wkoll li dan il-baġit jirrifletti l-prinċipji soċjalisti tal-Gvern billi jpoġġi lill-ħaddiem l-ewwel.

Il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ wara l-baġit
Filmat: €930 fis-sena aktar għall-familji – il-PM