Filmat: 10 persuni fil-ġimgħa jmutu minħabba l-kwalità tal-arja

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li f’Malta 10 persuni fil-ġimgħa qed imutu qabel iż-żmien minħabba l-kwalità tal-arja.

Waqt l-attività politika bit-tema Flimkien għal Pajjiżna fiż-Żurrieq, Delia rrefera għar-rapport li ħareġ din il-ġimgħa fejn Malta kklassifikat it-tieni l-aktar pajjiż li għandha żieda tal-gass dijossidu tal-karbonju (CO2) fl-Unjoni Ewropea.

AQRA: Malta tirreġistra t-tieni l-ikbar żieda tas-CO2

70 karozza fit-triq kuljum

Adrian Delia qal li fit-toroq qed jiżdiedu 70 karozza kuljum, u fi kliemu Joseph Muscat minflok ma indirizza din il-problema billi għamel inċentivi biex ikun hawn trasport li ma jniġġisx u trasport għall-massa irħis jew mingħajr ħlas, qed ikompli jwessa’ t-toroq. Huwa qal li fis-snin li għaddew il-Partit Laburista kien jgħajjar lill-Partit Nazzjonalista bil-fabbrika tal-kanċer iżda issa ikompli jżid fit-tniġġis tal-arja.

Delia semma kif Malta qed tħallas għall-proġetti fl-Unjoni Ewropea bħala konsegwenza li ma laħqitx il-miri tal-Unjoni Ewropea f’Malta.

Il-PN jemmen li l-Ewropa għandha riżorsi biex tinstab kura għall-kanċer

Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Ewropa għandha r-riżorsi biex isir master plan Ewropew kontra l-kanċer. Stqarr li l-Partit Nazzjonalista jinsab f’diskussjonijiet mal-Partit Popolari Ewropew fuq din il-kwistjoni.

Il-PN jiddefendi lil kulħadd

Matul id-diskors tiegħu Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jiddefendi lil kulħadd. Semma li bħala partit jiddefendi t-tarbija fil-ġuf kif ukoll il-ħajja u għalhekk irid jiddefendi lil kulħadd mill-marda tal-kanċer.

2,000 persuna tmut bil-marda tal-kanċer

Delia semma li f’Malta 2,000 persuna tmut minħabba l-marda tal-kanċer. Spjega li dan ifisser 25% tal-imwiet fis-sena. Delia qal li l-PN minn dejjem emmen li jista’ jeqred din il-marda billi ġab il-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-isptar tal-onkoloġija.

Fakkar li l-Partit Nazzjonalista għamel kampanji kbar biex in-nies jagħmlu l-iscreening tas-sider biex dan il-kanċer jinqabad kemm jista’ jkun malajr. Delia qal li madwar 40% tal-kanċer jistgħu jitfejqu jekk jinqabdu fil-bidu.

AQRA: Il-PN bi pjan Ewropew kontra l-kanċer

Sapport olistiku għal persuni li għaddejjin mill-marda tal-kanċer

Delia qal li bħala Partit iwiegħed li jagħti sapport olistiku lill-persuni u l-familjari tagħhom li jkunu għaddejin mill-marda tal-kanċer. Huwa qal li ħafna drabi mingħajr dan is-sapport, il-pazjenti jaqtgħu qalbhom.