Filmat: Morru iġbru ż-żewġ dokumenti tal-voti – Muscat

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat ħeġġeġ lill-partitarji Laburisti biex imorru jiġbru l-vot, anzi ż-żewġ dokumenti tal-voti, kemm tal-elezzjonijiet Ewropej kif ukoll dawk tal-Kunsilli Lokali.

Fi tmiem attività politika fir-Rabat, Dr Muscat qal li huwa biss bil-vot fil-25 ta’ Mejju, li wieħed juri l-appoġġ lill-Gvern, biex jibqa’ miexi ‘l quddiem u jagħmel dak li għadu m’għamilx. Saħaq li dak li jingħad fid-djar, fuq il-postijiet tax-xogħol jew fuq Facebook mhux se jagħmel id-differenza. Hawnhekk irrefera għal dak li jista’ qed jingħad, bħal “mhux xorta se jirbħu dawn, b’70,000 jew anke b’100,000”.

“Fadal jinġabru 70,000 għal tal-UE u 130,000 għal tal-Kunsilli”

Il-Mexxej Laburista rrimarka li ħafna għadhom m’għandhomx id-dokument tal-vot: Madwar 70,000 għall-elezzjonijiet Ewropej u 130,000 tal-Kunsilli Lokali. Stqarr li skont kif qalulu, meta jħabbtu l-bibien mhu qed isibu lil ħadd id-dar, “għax kulħadd ix-xogħol, anke l-mara taħdem għax iċ-child care b’xejn”.

“Issagrifikajna l-ekonomija għall-ambjent”

Waqt l-interventi tiegħu, Dr Joseph Muscat fisser li l-prijoritajiet tal-familji Maltin inbidlu għax moħħhom mistrieħ mix-xogħol, mill-ġid u mill-ekonomija. Kompla jispjega li issa l-prijorità hi l-kwalità tal-ħajja u l-ħin mal-familja.

Muscat qal li kien għalhekk li l-Gvern għażel li jibdel dik li kienet fabbrika kbira f’Ta’ Qali għal spazju għall-familji, minflok qassamha f’fabbriki li fi kliemu l-investituri għatxana ħafna għalihom. Din hija l-istess zona li b’mod esklussiv Newsbook.com.mt kien żvela ferneżija ta’ rimi illegali ta’ għexieren ta’ tunnellati ta’ skart tal-kostruzzjoni.

AQRA: Ferneżija ta’ rimi illegali f’Ta’ Qali

AQRA: Ritratti: Rimi illegali f’Ta’ Qali

AQRA: Il-PA tneħħi l-iskart f’Ta’ Qali

Insista li l-Gvern issagrifka l-ekonomija għall-ambjent. Semma kif 52 tomna ta’ art se jiżdiedu mal-park ta’ Ta’ Qali flimkien ma’ postijiet oħra f’Ta’ Qali li fi kliemu huma moħlija, mhux aċċessibbli jew perikolużi. Qal li b’kollox hemm 200 tomna li fih se jsir il-Park Nazzjonali ta’ Malta, li se jkun id-doppju tal-Park ta’ Ta’ Qali llum. “Kbir daqs terz ta’ Hyde Park f’Londra”, stqarr il-Mexxej Laburista. Irrimarka li f’Ta’ Qali se jinżergħu 80,000 siġra ġdida.

Irrefera wkoll għal spazju rikreattiv ieħor, dak  ta’ 13,000 metru kwadru fuq il-mina ta’ Santa Venera, li se tiġi msaqqfa.

 “290 triq f’sena”

Dwar it-toroq, Dr Muscat qal li l-Gvern qed jinvesti €700 miljun għat-toroq f’seba’ snin. Tenna kif din is-sena biss qed isiru 290 triq.

“Bżonn persuna mhux robot jew AI”

Għadda biex jitkellem fuq kwistjonijiet li qed jolqtu lis-soċjetà fil-laħam il-ħaj. Ħeġġeġ lit-tfal u liż-żgħażagħ biex jitħajru għall-kors ta’ infermier. Insista li x-xogħol fil-qasam tas-saħħa huwa garantit. Muscat stqarr li minkejja l-validità tar-robots u tal-AI, meta xi ħadd għandu problema ta’ saħħa għandu bżonn persuna “għax magna mhux se tieħu ħsiebek”.

Lill-anzjani u lill-pensjonanti, Dr Muscat wegħedhom żieda fil-pensjonijiet kull sena.