Filmat: Mhux se nistrieħ siegħa waħda, se nibqa’ nikkonvinċi lin-nies – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li f’dawn l-14-il jum li fadal għall-elezzjoni mhux se jistrieħ siegħa waħda biss, huwa jrid li jkompli jdakkar lil kulħadd bl-enerġija u l-ħeġġa.

Waqt attività politika fiż-Żebbuġ Għawdex, Muscat qal li l-Partit Nazzjonalista jrid li jagħti l-loppju u jagħti l-impressjoni qisu mhux ġejjin elezzjonijiet, iżda għall-Partit Laburista dan ifisser li jkompli jaħdem u jikkonvinċi.

“Il-PN qed jibża’ minn dawn l-elezzjonijiet”

Il-Mexxej Laburista staqsa għala l-PN mhux interessat li jkun hemm diskussjonijiet dwar temi differenti. Żied li s-soltu l-Oppożizzjoni tinżlilha għasel li jkun hemm elezzjoni u l-Partit fil-Gvern ikun iktar beżgħan.

Semma kif il-Partit Nazzjonalista ma ħariġx biżżejjed kandidati għall-kunsilli lokali b’mod speċjali fin-naħa t’isfel ta’ Malta iżda wkoll f’Għawdex.

“L-MEPs Nazzjonalisti vvutaw kontra Malta”

Muscat qal li d-diskussjoni tħammar wiċċ l-MEPs Nazzjonalisti għax ivvutaw diversi drabi kontra Malta. Spjega kif dawn ippruvaw ibeżżgħu li l-Unjoni Ewropea tista’ tindaħal lil Malta dwar kwistjonijiet bħat-taxxa u l-abort. Qal li dan mhux minnu għax il-Gvern jiddeċiedi kif kien niżżel fil-fuljett li kien bagħat Simon Busuttil fejn qal li l-Gvern Malti jiddeċiedi u mhux l-Unjoni Ewropea.

Muscat  qal li l-MEPs Nazzjonalisti vvutaw kontra Malta fuq paragrafu li jgħid li s-sistema ta’ taxxa f’Malta tmur kontra dik Ewropea. Żied li l-Partit Laburista fil-Gvern ma ċaqlaq xejn mis-sistema ta’ taxxa li kien hemm minn żmien il-Gvern Nazzjonalista.

Iġbru d-dokumenti tal-vot u mmorru vvutaw

Dr Muscat appella lin-nies biex imorru jiġbru d-dokumenti tal-vot u joħorġu jivvutaw lill-kandidati kollha tal-Parti Laburista.