Filmat: “Inqatlet persuna għall-qżież” – Muscat

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat kellu kliem iebes għall-arrest taż-żewġ persuni li jagħmlu parti mill-Forzi Armati ta’ Malta, li allegatament kienu l-moħħ wara l-mewt ta’ Lassana Cisse, persuna mill-Kosta tal-Avorju li nqatlet fi sparatura f’Ħal Far u tajru żewġ persuni oħra suwed.

Dr Muscat kien qed jitkellem f’attività politika fix-Xewkija, qal li minkejja li qegħdin f’kampanja elettorali ikun irresponsabbli jekk ma jitkellimx fuq l-iżviluppi li seħħew fl-aħħar ħin. Huwa semma li matul dan id-diskors huwa ma kienx se juża kliem li hu politikament korrett biex kulħadd jifhem il-messaġġġ li jrid iwassal.

“Nittama li kulħadd jidħol f’qoxortu”

Muscat qal li dawn iż-żewġ persuni arrestati ma jirrapreżentawx lill-poplu Malti u Għawdxi li matul is-snin laqa’ lil kulħadd. Żied li jittama li dak li ġara jdaħħal lil kulħadd f’qoxortu għax iż-żerriegħa li nżergħet matul is-snin bdiet tħalli frott li mhux pożittiv għal Malta. Muscat qal li f’Malta kien sar referendum biex il-poplu jiddeċiedi dwar il-kaċċa fil-Gżejjer Maltin u dan hu tajjeb li wieħed jipproteġi l-annimali, iżda imbagħad ma tridx tiġi issir xi  ħaġa normali li wieħed jgħaddi mit-triq u joqtol persuna.

“Stednuhom għall-ikel għandkom”

Muscat għalaq id-diskors tiegħu billi stieden lil kulħadd biex jistieden għandu persuni barranin u jieklu flimkien ħalli juru li dak li seħħ ma jirrapreżentax lill-Maltin u l-Għawdxin.

Huwa appella lill-Maltin u l-Għawdxin biex dak li ġara ma jibqax għaddej mar-riħ għax dan jiċħad min verament huwa l-poplu Malti. Żied li sfortunatament qed isir diskors dwar kemm hawn barranin f’Malta u wieħed ma jridx jinsa li kemm il-poplu Malti kif ukoll il-lingwa huma mħallta.

Matul id-diskors tiegħu Muscat irringrazzja lill-pulizija għax-xogħol li wettqu biex jinqabdu dawn iż-żewġ persuni u qal li dawn ma jirrapreżentawx lill-Forzi Armati ta’ Malta li matul is-snin issugraw ħajjithom biex salvaw eluf ta’ persuni.