Filmat: Muscat ixejjen l-istħarriġ b’vantaġġ kbir għall-PL

Il-Mexxej Laburista xejjen l-istħarriġ li sar fl-aħħar jiem minn gazzetti lokali li taw vantaġġ lill-Partit Laburista b’aktar minn 40,000 vot. Stqarr li l-probabiltà hi li l-Partit Laburista xorta jġib 3 siġġijiet minħabba l-wirt. Huwa spjega li l-mod ta’ kif jiġi kkalkulat huwa għoli ħafna għax spjega li f’dawn l-elezzjonijiet joħorġu jivvutaw mas-70% tal-elettorat u mhux aktar minn 90% kif isir fl-elezzjoni ġenerali.

Tant kemm kien ilna nitilfu li anke jekk nirbaħ b’vot wieħed nieħu gost.

Huwa kien qed jitkellem f’Teatru Orfeo fil-Gżira fejn għaddejja attività politika tal-Partit Laburista b’mistoqsijiet mingħand il-Kap tal-Aħbarijiet tal-istazzjon tal-Partit Laburista ONE fejn tkellem ukoll dwar l-akkomodazzjoni soċjali, l-indafa, l-infrastruttura u proposti speċifiċi għall-Gżira.

Fakkar fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2014 fejn il-Partit Laburista kien ġab maġġoranza akbar minn dik tal-elezzjoni ġenerali tal-2013 iżda xorta l-Partit Laburista kien ġab 3 siġġijiet fil-Parlament Ewropew daqs kemm kien ġab il-Partit Nazzjonalista. Appella lil kulħadd biex jivvota kmieni u jivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista.

Kameras fil-lokalitajiet

Dwar is-sitwazzjoni ta’ sigurtà fil-Marsa u l-Ħamrun, Muscat qal li l-kameras tal-proġett Safe City jistgħu jnaqqsu l-kriminalità.

Semma eżempji bħalma huwa z-zuntier tal-Knisja tal-Ħamrun fejn qal li kien qed jinqala’ l-għajjat u storbju kif ukoll ħwienet li kienu qed idumu ħinijiet bil-lejl iżda bl-infurzar qed issir id-dixxiplina.

Fakkar fil-proġett Safe City li permezz tat-teknoloġija tal-cameras toffri aktar sigurtà. Qal li din tista’ tinfirex fil-lokalitajiet li jkunu jridu u spjega li dawn ikunu b’rispett sħiħ lejn ir-regoli.

Akkomodazzjoni Soċjali

Joseph Muscat qal li Malta rat differenza kbira fl-akkomodazzjoni soċjali u qal li f’daqqa waħda qed jiġi indirzzat nofs il-ħtieġa f’Malta. Il-Prim Ministru qal li kuntrarju għad-deċiżjoni tal-Gvern Nazzjonalista, il-Gvern Laburista qed jaħdem biex ikun hawn akkomodazzjoni soċjali u qal li qed ikun hemm investiment f’1,700 post ġdid.

Spjega li bir-riforma li saret, il-Gvern qed jibdel il-liġijiet eżistenti biex min ikun eleġibbli għall-akkomodazzjoni soċjali u l-pożizzjoni finanzjarja tiegħu titjieb matul is-snin, l-akkomodazzjoni terġa’ tiġi għand il-Gvern biex tgħaddi għand nies aktar fil-bżonn. Sostna li l-liġijiet eżistenti jibqgħu japplikaw għal min għandu akkomodazzjoni llum.

Indafa

Tkellem ukoll dwar l-indafa u l-Prim Ministru saħaq li għandu jkun hemm dixxiplina biex ir-residenti jżommu l-lokalitajiet tagħhom indaf daqs id-djar tagħhom. Qal li wasal għall-fażi tal-infurzar u flok it-tabella li titwaħħal mal-boroż taż-żibel issa se jkun hemm il-multi.

Il-parkeġġi fil-lokalitajiet

Dwar l-infrastruttura, il-Prim Minsitru spjega li permezz tat-teknoloġija l-ispazji tal-parkeġġ fil-lokalitajiet se jibdew jidhru fuq screens apposta. Qal li miżura bħal din se tnaqqas it-tniġġis għax ma jkunx hemm karozzi bla bżonn fiċ-ċentru tal-lokalitajiet u se ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Semma l-miżura tal-baġit li tinċentiva Public Private Partnerships li permezz tagħhom jiżdiedu l-parkeġġ taħt l-art u fuq ikun hemm ġonna u spazji miftuħa għall-pubbliku. Qal li t-toroq kienu mażra fuq dahar il-Kunsilli u għaldaqstant, il-Gvern refa’ din ir-responsabbiltà permezz ta’ awtorità ġdida.

Muscat tkellem ukoll dwar waħda mill-proposti speċifiċi għal-lokalità tal-Gżira. Qal li l-berġa tas-saħħa mhix aċċessibbli iżda permezz ta’ maġġoranza fil-Kunsill tal-Gżira se jitjieb dan iċ-ċentru tas-saħħa.