Filmat: Persuni sfurzati jaqsmu l-ibħra minħabba l-inġustizzja – il-Papa

Read in English.

Il-Papa Franġisku qal li hija l-inġustizzja li twassal lin-nies biex jaqsmu l-ibħra biex ifittxu ħajja aħjar.

Hu qal dan fil-messaġġ annwali tiegħu f’Jum il-Milied- indirizz magħruf bħala “Urbi et Orbi”.

Il-Papa tkellem dwar il-problemi li jaffaċċjaw l-immigranti. Qal li dawn ikunu sfurzati jemigraw minħabba inġustizzji li jsiru fil-pajjiżi tagħhom. Qal li tkun l-inġustizzja li tisfurzahom jaqsmu l-ibħra u d-deżerti li jispiċċaw ċimiterji. Żied jgħid li dawn jaffaċċjaw tortura u reati oħra minħabba l-inġustizzja. Il-Papa saħaq li meta dawn imorru post ieħor bit-tama li jgħixu ħajja dinjituża jsibu l-ħitan tal-indifferenza.

Il-Papa tkellem dwar it-tfal fil-Yemen u dwar il-kontinent Amerikan fejn qal li hemm għadd ta’ pajjiżi li qed jesperjenzaw żmien ta’ taqlib soċjali u politiku.

Talab biex Alla jbierek il-ħidma ta’ dawk li jaħdmu biex jippromwovu l-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni.

Semma wkoll is-sitwazzjoni fil-Venezwela, fl-Ukrajna, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Burkina Faso, il-Mali, in-Niger, u n-Niġerja.

Il-Papa talab biex Ġesù jwassal id-dawl tiegħu lil dawk kollha li qed isofru. Talab biex Alla jrattab il-qlub tal-bniedem u jara li jwasslu l-imħabba tiegħu.

Il-messaġġ tal-Papa f’dan il-jum tal-Milied issoltu dejjem jitratta dwar l-ġrajjiet kurrenti fid-dinja u l-kunflitti li jkunu għaddejjin.

Ta’ kull sena, mat-tokki ta’ nofsinhar il-Papa jfeġġ fil-gallarija tal-Bażilika ta’ San Pietru biex iwassal il-messaġġ tal-Milied u l-barka lill-belt u lid-dinja. Il-Papa jerġa’ jagħmel l-istess f’jum l-Għid il-Kbir.