Ritratti: Ma jkunx hemm verità bla ġurnalisti u whistleblowers – Efimova

L-eksimpjegata ta' Pilatus Bank Maria Efimova qalet li ma jkunx hemm verità u ġustizzja mingħajr whistleblowers u ġurnalisti.
L-għaqdiet #occupyjustice u l-Awturi marru fil-Belt Valletta għal manifestazzjoni għall-Ġustizzja u l-Verità li bdiet illum fl-4pm.

Din il-manifestazzjoni talbet ir-responsabbiltà politika u investigazzjonijiet serji u indipendenti fir-rivelazzjonijiet li qed joħorġu mill-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u mir-riċerka li komplew il-konsorzju ta' The Daphne Project dwar l-awtoritajiet Maltin.
L-għaqdiet esprimew it-tħassib tagħhom dwar kif fi kliemhom, il-Ministru Konrad Mizzi u l-Kap tal-Uffiċju tal-Prim Ministru gidbu dwar l-involviment tagħhom fil-kumpanija 17 Black.
Qalu li l-manifestazzjoni se tkun ukoll qed issejjaħ investigazzjoni dwar is-servizzi tas-sigurtà wara li allegatament, dawn ma ħadu l-ebda azzjoni qabel il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Waqt il-manifestazzjoni tkellmu l-Whistleblower Russa u eksimpjegata tal-bank Pilatus Maria Efimova, s-Segretarja Ġenerali tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MZPN) Emma Portelli Bonnici, id-deputat tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia, il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa, il-membru ta’ Awturi Alexander Hili u l-membru ta’ Occupy Justice Rachel Williams.
"Is-sewwa jrid jirbaħ fuq il-ħażen" – Emma Portelli Bonnici
Min-naħa tagħha, Portelli Bonnici qalet li isem Malta ġie mċappas minħabba n-nuqqasijiet tal-awtoritajiet. Sostniet li dawn il-persuni li għamlu l-ħażen baqgħu fl-awtoritajiet. Sostniet li mhux qed tfittex li jinbidel il-partit fil-Gvern u lanqas li ssir elezzjoni għada, iżda sostniet li hemm bżonn li jittieħdu passi biex is-sewwa dejjem jirbaħ fuq il-ħażin. Irrimarkat li kull minn jinqabad f'korruzzjoni irid ikun konxju ta' għemilu u jwarrab mill-politika.  
"Qegħdin hawn għax nemmnu fis-sewwa, fl-onestà u fil-ġustizzja" – Godfrey Farrugia
L-MP Farrugia talab lil dawk kollha preżenti biex jagħmlu kuraġġ. Spjega li dawk kollha li jinsabu preżenti qegħdin hemm għax jemmnu fis-sewwa, fl-onestà u fil-ġustizzja. Stqarr li kull min hu preżenti jemmen li Malta għadha fiċ-ċans li tibdel id-direzzjoni tagħha billi l-poplu "juri li mhux kuntent u li jrid risposta għad-domandi".
Appella lil dawk kollha preżenti biex ikunu ta' kuraġġ għal xulxin u flimkien miegħu jaħdmu għall-bidla, għall-verità, għall-ġustizzja, għas-sewwa u għad-demokrazija.
Farrugia kiteb ukoll blog post bid-diskors tiegħu tal-lum.
"Dak li ħdimna tant għalih qed iħottuh biċċa biċċa" – David Casa
Fid-diskors tiegħu, l-Ewroparlamentari Casa sostna li Malta waslet f'punt fejn qed tħoss telfa kbira, fejn il-poplu tilef is-serħan tal-moħħ. Stqarr li issa l-ġustizzja m'għadiex tirrenja. Spjega li l-awtoritajiet qed iħottu dak kollu li nbena qabel biċċa biċċa.
Casa fakkar lil Daphne Caruana Galizia u sostna li l-poplu tilef ħabiba, imma sostna li dawk ollha preżenti qed jibqgħu jonoraw il-memorja tagħha u dak li kienet issarraf.
"Jien inħossni kburi ta' dak li rnexxielkom twettqu, tal-orgnizzazzjonijiet volontarji li qed jaħdmu biex ma naqtgħux qalbna," kompla jgħid.
Nixtiequ li Malta titmexxa min-nies diċenti – Alex Hili

Alexander Hili, wieħed mill-fundaturi tal-grupp Awturi qal li l-grupp twaqqaf minn żgħażagħ li jixtiequ li Malta titmexxa min-nies diċenti li jkunu ta’ eżempju.
Skont Hili, bħalissa Malta qed titmexxa min-nies imċappsa bil-korruzzjoni. Qal li wieħed ma jistax jibqa’ sieket fid-dawl ta’ dak li qed jiġri fl-istituzzjonijiet Maltin. Qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, u il-Ministri Konrad Mizzi u Chris Cardona għandhom jirriżenjaw.
Iġġieldu għall-verità – Efimova
Waqt il-protesta ssemma wkoll messaġġ irrekordjat mill-eksimpjegata ta’ Pilatus Bank Maria Efimova. Efimova qalet li l-Maltin għandhom jiġġieldu għall-verità u għall-ġustizzja. Qalet li l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet tħaddan dawn il-valuri.