Filmat: Il-mafkar lura f’postu

Newsbook.com.mt xandar filmati LIVE minn quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta fejn numru ta’ attivisti qed ipoġġu l-mafkar għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia lura fejn kien qabel.

Strixxun kbir bil-kitba “Ġustizzja” u l-bandiera ta’ Malta u wiċċ il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tpoġġa minn numru ta’ attivisti għall-ħabta tal-10.30 dalgħodu fuq l-injam li għatta l-monument tal-Assedju l-Kbir ġimgħa ilu. Fuq il-monument għal diversi xhur kien jitpoġġa ritratt tal-ġurnalista, diversi xemgħat u fjuri. Ir-ritratt kemm il-darba tneħħa iżda tpoġġa lura mill-istess attivisti. L-attivisti qassmu wkoll folji b’kitba dwar id-dritt tal-espressjoni. Persuna aggredit persuna oħra li kienet qed tieħu l-filmati dalgħodu fil-Belt. Il-Pulizija ħadet id-dettalji kemm tal-persuna li kienet qegħda tiffilmja kif ukoll tal-persuna li aggredih.

Jumejn qabel il-festa tal-Vitorja kienu ġew imnadfa l-istatwi tal-monument. Dakinhar tal-festa kulħadd baqa’ sorpriż hekk kif il-monument ingħalaq bl-injam. Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li qed isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-monument.

Għada, Occupy Justice se jkunu qed ifakkru il-ħdax-il xahar mill-assassinju ta’ Caruana Galizia. Xahar wara xahar l-attivisti jiltaqgħu quddiem il-mafkar biex jitolbu li ssir ġustizzja.