Filmat: Il-Kumitat PANA jsellem lil DCG; jieħu vot dwar rapport fuq ħasil ta’ flus

Il-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew, li twaqqaf biex jinvestiga l-Panama Papers, qabel il-laqgħa tal-lum, żamm minuta silenzju bħala tislima għal Daphne Caruana Galizia, il-ġurnalista li ġiet assassinata nhar it-Tnejn li għadda fi Triq il-Bidnija.
Iċ-Ċermen tal-Kumitat, Werner Langen tkellem dwar il-ġurnalista, li fl-20 ta’ Frar, il-Kumitat iltaqa’ magħha f’Malta.

Il-Kumitat jemmen li Caruana Galizia sejħet għal azzjoni kontra l-ħasil ta’ flus u ffinanzjar mit-terroriżmu f’Malta, fejn anke nsistiet li l-Panama Papers żvelaw mhux biss evażjoni tat-taxxa, imma anke kriminalità u korruzzjoni.
Imbagħad il-Kumitat PANA mistenni jivvota fuq l-abbozz tar-rapport dwar l-inkjesta fuq ħasil ta’ flus, u evażjoni u evitar tat-taxxa.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, ippropona emenda fir-rapport. L-emenda tikkundanna l-assassinju ta' Caruana Galizia.  Dr Casa stqarr li dak li ġara huwa inaċċettabbli f'nazzjon demokratiku, speċjalment fi stat membru tal-Unjoni Ewropea. 
Il-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew appoġġjaw l-emenda. 
Sadanittant, fuq talba tal-MEP Nazzjonalista Francis Zammit Dimech, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni fil-Parlament Ewropew, fil-bidu tal-laqgħa li jmiss, se jkun qed isellem lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Zammit Dimech bagħat imejl lil Petra Kammerevert, iċ-Ċerpersin tal-Kumitat, li hu responsabbli wkoll għall-midja, biex tinżamm minuta silenzju bħala sinjal ta’ rispett għal Galizia.
Saħaq li l-libertà tal-espressjoni hija waħda mill-valuri f’qalb l-Ewropa u li hemm bżonn li jiġu protetti l-ġurnalisti li jagħmlu xogħolhom. Żied jgħid li jekk il-ġurnalisti jiġu ssilenzjati, jintilfu l-libertà u d-demokrazija. 
Illustrazzjoni: Denise Nestor għal Politico