“L-affarijiet għadhom mhux ċari dwar Malta” – PANA

Iċ-Ċermen tal-kumitat PANA fil-Parlament Ewropew, Werner Langen qal li wara li stħarrġu dak li kien għaddej fil-midja u wara li ltaqgħu mal-awtoritajiet konċernati, l-affarijiet dwar Malta għadhom mhumiex ċari.
Langen mexxa d-delegazzjoni tal-Kumitat f'Malta fi Frar li għadda, b'missjoni li jifhmu dak li seħħ fil-Panama Papers billi jgħarrxu dwar il-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus. 
Sostna wkoll li minħabba f’hekk, l-istudju li sar fuq Malta m’għandux jibqa’ għand il-Kummissjoni iżda jibqa’ relevanti.
F’konferenza tal-aħbarijiet fis-Sala Daphne Caruana Galizia fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, Langen qal li jinsab kuntent li wara sena u nofs ta’ ħidma, ir-rapport li fassal il-kumitat PANA ġie approvat b’492 vot favur, 50 vot kontra u 136 astensjoni.
Iċ-Ċermen tal-Kumitat kien akkumpanjat miż-żewġ Co-Rapporteurs li kitbu r-rapport, l-MEPs Petr Ježek u Jeppe Kofod li analizzaw ir-riżultat tal-votazzjoni fil-Parlament Ewropew, li ttieħed aktar kmieni llum.
Huma qalu li kien hemm ftit punti li l-Parlament Ewropew kien maqsum dwarhom.
Fosthom semma l-emenda dwar l-ismijiet tal-pajjiżi li kellhom jissemmew bħala tax havens fosthom Malta u l-emenda li kellha ddaħħal bażi ta' taxxa korporattiva minima madwar l-Ewropa.