Filmat: “Uġigħ ta’ qalb tara l-mibegħda lejn Daphne”

Il-Kap tad-delegazzjoni ta’ MEPs, li jinsabu Malta f’dawn il-jiem, Sophie in’t Velt qalet li tħoss uġigħ ta’ qalb meta tara l-mibegħda lejn Daphne u l-familja tagħha.

Hija qalet dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem iż-żjara tal-grupp ta’ monitoraġġ fi ħdan il-Kumitat għall-Ġustizzja u l-Libertajiet Ċivili (LIVE) fejn kien hemm preżenti ukoll il-Membru Parlamentar Ewropew Maltija Roberta Metsola.

Miguela Xuereb

Sophie in’t Velt spjegat li fil-laqgħat mal-awtoritajiet l-MEPs iddiskutew il-mafkar li l-attivisti qed jagħmlu mal-monument tal-Assedju l-Kbir quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta. Qalet li l-MEPs kienu ċari ħafna li huma qed jitolbu li tinstab soluzzjoni mingħand l-awtoritajiet għaliex skont In’t Velt, “huwa naturali li n-nies ifakkru lill-għeżież tagħhom”.

Dwar l-investigazzjoni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Sophie in’t Velt qalet li hija mhix Pulizija u għaldaqstant m’għandix aċċess għad-dokumenti tal-investigazzjoni. Fl-istess waqt hija qalet li tistenna li l-Pulizija tinvestiga jew għall-inqas tistaqsi lill-politiċi involuti fil-każ jew li ssemmgħu mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Kien hawnhekk li semmiet li fil-każ tal-ġurnalist Jan Kuciak, il-Pulizija fis-Slovakkja ħarġu bi 30 teorija dwar għaliex inqatel, naqqsuhom għal żewġ teoriji u qalet li l-Pulizija waslu għal teorija waħda dwar il-każ ta’ qtil.

Nuqqas ta’ informazzjoni mill-Gvern

Miguela Xuereb

Hija qalet ukoll li li għad hemm nuqqas ta’ informazzjoni anki fil-każ tal-inkjesta Egrant. Saħqet li d-delegazzjoni ma kellhix aċċess għal din l-inkjesta u għaldaqstant ma setgħetx tagħti l-kummenti tagħha.

“Hemm nuqqas ta’ fiduċja wkoll fl-awtoritajiet”, saħqet Sophie in’t Velt filwaqt li qalet li “hu żgur li trid issir xi ħaġa” biex in-nies jergħa jkollhom fiduċja fl-awtoritajiet.

Konfużjoni dwar il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet

L-MEP Sophie in’t Velt qalet li mil-laqgħat li kellhom f’Malta l-MEPs deher ċar li f’Malta hawn konfużjoni ta’ min hu responsabbli li jiftaħ investigazzjonijiet. Fissret li l-Pulizija jgħidu li dan hu xogħol il-Maġistrati u l-Maġistrati jgħidu li ċ-ċittadini jridu jressqu lment jew rapport.

Id-delegazzjoni hija newtrali?

Biex tirrispondi l-allegazzjonijiet dwar in-newtralità tad-delegazzjoni meta mistoqsija minn ġurnalist ta’ ONE News, Sophie in’t Velt qalet li hu dmir tad-delegazzjoni li tkun newtrali dwar il-pajjiż u spjegat kif il-parteċipanti tad-delegazzjoni huma ġejjin mill-erba’ partiti prinċipali fil-Parlament Ewropew.

Miguela Xuereb

Sophie in’t Velt saħqet li hi mhix membru la tal-Partit Popolari Ewropew (li tagħhom huma membri n-Nazzjonalisti) u lanqas tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (li tagħhom huma membri l-Laburisti) għaliex hija membru tal-Partit Liberali.

Meta rrispondiet lill-istess ġurnalist, l-MEP Roberta Metsola waħħlet fil-Ministru Konrad Mizzi li ma aċċettax li jiltaqa’ mad-delegazzjoni. Saħqet li l-Parlament Ewropew kien qed ifittex aktar tweġibiet mingħand il-Ministru li kellu kumpanija sigrieta fil-Panama.

“M’hemm l-ebda konklużjoni dwar Mizzi u Schembri” – Giegold

Fil-kummenti tiegħu lill-midja, il-Membri Parlamentari Ewropew Ġermaniż Sven Giegold qal li huwa ddiżappuntat li dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri m’hemm l-ebda konklużjoni tal-investigazzjonijiet.

Miguela Xuereb

L-MEP mill-Partit tal-Ħodor qal li bħala l-uniku ekonomista fid-delegazzjoni staqsa numru ta’ mistoqsijiet dwar is-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika f’Malta fosthom mistoqsijiet relatati mal-ħasil tal-flus.

Staqsa dwar l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) u qal li għadu mhux konvint li din qed topera kif suppost mingħajr indħil.

Semma wkoll il-liġi tal-blockchain fejn qal li hemm operaturi li diġà qiegħdin fis-suq mingħajr ma ġew iċċekkjati jekk humiex konformi mal-liġijiet. Hawnhekk semma lil Satabank fejn qal li dan il-bank irreġistra telf finanzjarju u kienu l-klijenti li marru minn taħt. Saħaq li jrid ikun hemm ġustizzja mal-konsumaturi f’dawn is-sitwazzjonijiet.

Suġġetti oħra li ġew diskussi mal-awtoritajiet:

Ir-rispett lejn il-liġijiet: L-MEPs saħqu li dan is-suġġett jaffettwa lis-sistema Ewropea kollha, bl-MEP Sophie in’t Velt tgħid li hemm diversi pajjiżi fosthom l-Ungerija li għandhom problemi simili. Esprimiet it-tħassib tal-Parlament Ewropew ukoll dwar ir-Rumanija u s-Slovakkja.

Skandli: L-MEPs iddiskutew l-iskandli li tkellmet dwarhom Daphne qabel inqatlet u oħrajn li ġew ippubblikati wara l-qtil tagħha. Ewlenija fosthom hemm l-iskema ta’ ċittadinanza Maltija li permezz tagħha għadd ta’ persuni ‘l barra mill-Ewropea qed jakkwistaw ċittadinanza Ewropea. L-MEP Sophie in’t Velt qalet li din l-iskema ma tistax isservi ta’ bieb miftuħ għal kwalunkwe persuni.