Filmat: Rekord ġdid ta’ każijiet: 122

Malta rreġistrat rekord ġdid ta’ 122 każijiet ġdid tal-coronavirus filwaqt li fiequ 36 persuna. Dan sar magħruf fl-infografika li tiġi ppubblikata kuljum mill-Ministeru għas-Saħħa.

L-istess dettalji ġew imħabbra mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li qed tagħti kull ġimgħa dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’Malta.

Dwar pazjenti bil-Covid-19 fl-isptarijiet, il-Professur Gauci ħabbret li hemm 68 persuna fl-isptarijiet b’6 minnhom huma fl-ITU. Qalet li 12-il persuna jinsabu fl-Infectious Diseases Unit u 14-il persuna f’wards oħra fl-Isptar Mater Dei.

Din il-ġimgħa Malta rreġistrat l-ogħla żieda fil-ġimgħa tul il-pandemija hekk kif ilbieraħ instabu 112-il każ ġdid. Anke l-Erbgħa, il-każijiet laħqu rekord b’111-il każ ġdid.

Il-konferenza tal-aħbarijiet tibda fin-12.30pm. Tista’ ssegwi dak li jkun qed jintqal minuta b’minuta hawnhekk.

COVID-19 – Media Briefing – 16-10-2020

COVID-19 – Media Briefing – 16-10-2020

Posted by saħħa on Friday, October 16, 2020
13:07 Il-konferenza ġiet fi tmiemha. Grazzi talli segwejtu Newsbook.com.mt.
Beppe Galea
13:05 Għall-mistoqsija ta' Newsbook.com.mt dwar l-attivita tal-massa organizzata mill-Partit Laburista l-Ħadd li għadda, il-Professur Gauci tkellmet b'mod ġenerali mingħajr ma daħlet fil-kwistjoni tal-avviż legali li ma jinġabrux 10 persuni fil-pubbliku. Spjegat li l-attivitajiet iridu jiġu organizzat skont il-protokolli billi qalet li dawn ma jistgħux jaqbżu l-100 persuna ġewwa u 300 persuna f'attivitajiet barra fl-istess waqt li trid tiġi osservata r-regola ta' persuna għal kull 4 metri kwadri.
Beppe Galea
13:03 R-Factor kien bejn 1.5 u 2 u fl-aħħar ġimgħa qatt ma qabeż it-2.
Beppe Galea
12:53 Il-Professur appellat biex il-maskra tintlibes sew u li tkun ta' kwalita tajba. Qalet li l-maskra trid tgħatti l-ħalq u anke l-imnieħer.
Beppe Galea
12:50 Jibdew il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Il-Professur tgħid li fil-jiem li ġejjin se jiġu mħabbra miżuri ġodda restrittivi.
Beppe Galea
12:49 Il-Professur tgħaddi l-messaġġ tagħha bl-Ingliż.
Beppe Galea
12:47 Il-Professur tkellmet dwar is-sintomi fosthom deni, nuqqas ta' xamm u nuqqas ta' togħma.
Beppe Galea
12:46 Mit-testijiet li qed isiru fl-ajruport instabu każijiet minn Spanja, Franza u persuni mir-Repubblika Ċeka.
Beppe Galea
12:45 Qalet li r-rakkomandazzjoni tibqa' li jintużaw il-maskri kullimkien allavolja għadu ma hemmx regola dwarhom. Fakkret fil-postijiet li sa issa kellhom jintlibsu l-maskri.
Beppe Galea
12:44 Appellat biex jiġu evitati l-folol għax is-sitwazzjoni se tkompli tiggrava. Spjegat li hemm il-kontrolli dwar l-attivitajiet u l-persuni fil-pubbliku.
Beppe Galea
12:43 Hija appellat biex tinżamm id-distanza soċjali u qalet li huwa importanti li tinżamm id-distanza ta' mill-anqas 2 metri.
Beppe Galea
12:42 Dwar l-imwiet, il-Professur qalet li dawn jistgħu jiġu evitati billi titnaqqas ir-rata ta' firxa tal-virus fil-komunita.
Beppe Galea
12:40 Il-Professur uriet statistika tal-każijiet li nstabu skont l-etajiet u qalet kif ix-xejra tal-etajiet tindika li l-eta medja tal-każijiet niżlet għax hemm inqas każijiet ta' anzjani bil-Covid-19.
Beppe Galea
12:39 F'Għawdex hemm 18-il persuna li huma każijiet attivi bil-Covid-19.
Beppe Galea
12:38 Il-Professur qalet li kien hemm 11-il każ relatat ma' bars u 14-il każ li nstabu mill-isports fosthom tal-waterpolo u tal-futbol.
Beppe Galea
12:36 It-tieni l-akbar cluster huwa ta' persuni li ħadu l-virus mill-post tax-xogħol. Qalet li l-prekawzjonijiet iridu jkomplu jinżammu fuq il-postijiet tax-xogħol fosthom li jintlibsu l-maskri, desks li jkunu separati u fejn ikun possibbli l-ħaddiema jaħdmu mid-dar.
Beppe Galea
12:35 Appellat biex il-familji li fihom ikun hemm każijiet pożittivi jieħdu l-prekawzjonijiet kollha inkluż li l-persuna pożittiva jkollu kamra tas-sodda għalih, kamra tal-banju għalih jew li titnaddaf sew wara l-użu u li l-persuna ma jiekolx fl-istess kamra.
Beppe Galea
12:34 L-akbar żieda fil-cluster kienet mill-membri tal-istess familja. Matul din il-ġimgħa kien hemm 165 każ f'dan il-cluster li sal-ġimgħa li għaddiet kellu 479 każ.
Beppe Galea
12:33 Hija qalet li importanti li jkompli jsir l-ittestjar ħalli jinqabdu l-każijiet mill-bidu.
Beppe Galea
12:32 Dwar il-każi fid-djar tal-anzjani, il-Professur qalet li l-awtoritajiet irnexxielhom jikkontrollaw l-imxija "b'miżuri f'waqthom".
Beppe Galea
12:29 Il-Professur Gauci tħabbar rekord ta' każijiet ġodda b'122 każ reġistrati fl-aħħar 24 siegħa.
Beppe Galea
12:28 Merħba għal dan il-Live Blog ta' Newsbook.com.mt.
Beppe Galea