Żagħżugħ ikaxkar pulizija: “Ommu bdiet tagħtih id-droga ta’ 9 snin”

Ian Noel Pace

1.10pm: Kawża diferita 22 ta’ Ottubru  fl-10am.

12.58pm: Il-Qorti tirrifjuta l-ħelsien mill-arrest tal-akkużat. Jekk jinstab ħati l-akkużat jista’ jeħel ma’ 40 sena ħabs.

12.27pm: Il-Maġistrat jgħid li l-kawża ġiet posposta għas-12.45pm biex jagħti d-digriet.

12.21pm: Il-Maġistrat Joe Mifsud sostna li li kenu mhux għax kien prekluż fil-każ kien ikun preżenti hu stess fil-każ. Spjega li biex jgħin żagħżugħ bħal dan hemm bżonn li dan iqatta’ ż-żmien li għandu bżonn fil-faċilità korrettiva sakemm tittieħed deċiżjoni.

12.14pm: Id-difiża tinsisti li issa x-xhieda kollha xhedu, minkejja li tnejn minnhom ma ġewx fil-Qorti llum, u li m’hemmx raġuni għaliex iż-żagħżugħ għandu jaħrab mill-pajjiż, hekk kif se jkun qed jgħix ma’ missieru. Id-difiża tinsisti li kull persuna li tidħol il-Qorti hija preżunta innoċenti. Sostna li minkejja d-diversi akkużi li għandu f’każi separati, ma jfissirx li dawn huma kollha veri. Isostni li hemm ċans li l-akkuża tinbidel għal dik ta’ kkawżar ta’ ġrieħi gravi b’mod involontarju. Id-difiża sostniet li dan kien l-unika każ li kien hawn protesta fuq l-akkużat li sostna saħansitra ġiet appoġġjata mill-President ta’ Malta.

12.10pm: L-avukat tad-difiża staqsa jekk l-akkużat kienx arrestat wara li l-pulizija waqqfu bir-rota. Il-Pulizija kkonferma li ma kienx arrestat imma l-Pulizija hija fi dmir li jrid jagħti irċevuta meta oġġett jiġi kkonfiskat, spjega li talab lill-akkużat jistenna sakemm joħroġ l-irċevuta. Id-difiża talbet għar-raġuni tal-arrest, il-pulizija sostna li qabad u telaq, qal li arrestah malli dan ma semax mill-ordnijiet tiegħu u li qallu jinsab taħt arrest wara li dan qallu “tmissnix għax nifqgħak”.

12.09pm: L-Ispettur spjega li ħa lill-akkużat l-għassa u ċempel lil missieru. Għamel in-nota li r-rota ġiet ikkonfiskata. Spjega li r-rota ttieħdet il-garaxx tal-Furjana. Qal li kellem lil missieru personalment.

12.08pm: L-akkużat jitkellem mal-avukat tiegħu fil-Qorti jidher li mhux jaqbel max-xhieda li ppreżenta l-ispettur.

12.04pm: Jixhed l-Ispettur Joseph Buhagiar li tkellem dwar inċident fit-3 ta’ Marzu 2018. Hu kien qiegħed patrole fit-triq ta’ Wied il-Għajn fejn ra inċident u mar jassisti. Qal li sema’ rota mutur u talab lil min kien qed isuqu biex jieqaf. Qal li kien bil-ħelmet. Staqsieh jekk jafx li r-rota kienet illegali, u l-akkużat qallu li kien se jtellfu x-xogħol. Qallu biex jistenna’ sakemm jiġi l-vann biex jieħu r-rota u mbagħad ikun jista’ jkompli għal triqtu. Il-pulizija qal li talbu l-karta tal-identità u l-akkużat ma kellux fuqu. L-akkużat ipprova jaħrab mill-pulizija li waqqfu u saħansitra hedded lill-Pulizija meta pprova jwaqqfu. Kien hemm li l-pulizija qallu li issa jinsab taħt arrest. L-akkużat beda joffendi lill-pulizija.

11.56am: Jixhed issa r-raġel tal-mara li xehdet qabel. Hu rakkonta l-ħabta li seħħet fil-karozza ta’ martu. Irrakkonta li ftiehem maż-żagħżugħ li se jġib xi stimi biex jirranġa l-karozza. Qal li dakinhar li mar iġib l-istimi sar jaf bil-każ tal-Pulizija Schembri u nduna li kien l-istess persuna. Hu qal li qabbel ir-ritratti li ra fuq l-aħbarijiet maż-żagħżugħ. Qal li wara li għadda ftit taż-żmien tkellmu mal-ġenituri tal-akkużat. Qal li kellem lil missier l-akkużat u qalilhom li se jirranġaw. Missier l-akkużat talab kemm tiswa l-istima, ir-raġel qallu €160 u missier l-akkużat tah il-flus kollha fuq il-post.

11.44am: Tixhed issa l-mara li għamlet ir-rapport li xehdet dwaru s-Surġent Miriam Lia. Spjegat li kienet id-dar u semgħet ħoss qisha ħabta ta’ karozza f’Ħal Tarxien. Qalet li semgħet is-sirena tal-karozza tagħha. Qalet li kien hemm li rrealizzat li wisq probabli daħal xi ħadd fuqha u qalet lir-raġel tagħha. Qalet li r-raġel tagħha ttawwal minn gallarija u hi ttawlet minn gallarija oħra u hemmhekk raw karozza tavviċina lill-karozza tagħhom. Ir-raġel tagħha ra żewġ żagħżagħ niżlin mill-karozza u r-raġel tagħha avviċinahom. L-akkużat qallu li laqatlu l-karozza u biex jirranġaw bejniethom. Qalet li r-raġel tagħha ftiehem mal-akkużat li se jċempillu. L-għada r-raġel tagħha ċempillu u l-akkużat irrispondih u r-raġel qallu li ħa jġiblu stima. Qalet li r-raġel tagħha kien se jġib l-istima t-Tlieta filgħodu, dakinhar li seħħ l-inċident u li l-istess persuna l daħlet fil-karozza tagħhom ġie arrestat għax tajjar pulizija. Qalet li huma ħadu d-deċiżjoni li jagħmlu rapport lill-Pulizija u qalet li tista’ toffrilhom il-filmati tas-CCTV.

11.38am: Tixhed issa s-Surġent Miriam Lia li qalet li fil-15 ta’ Mejju kienet xogħol meta ġew xi persuni jirrappurtaw li xi jiem qabel seħħ inċident, xi ħadd ħabat fil-karozza tagħhom. Hi ħarġet fil-gallarija tar-residenza tagħha, qalet li ma ratx karozzi. Ir-raġel tagħha ħareġ minn gallarija oħra u ra lill-akkużat idur mal-karozza tiegħu. Ir-raġel mar ħdejn l-akkużat biex jara x’qed jagħmel. L-akkużat kien qalilhom li laqat il-karozza u biex jifthemu bejniethom biex isewwuha. Il-koppja rrealizzaw li ż-żagħżugħ li kien daħal fil-karozza tagħhom kien l-istess wieħed li tajjar lill-pulizija Simon Schembri. Ir-rapport mill-koppja kien sar wara li raw liż-żagħżugħ fuq l-aħbarijiet.

11.35am: Jixhed issa s-Surġent Luke Vella Cassia li kien irrapporta fil-11 ta’ April fis-7.35pm ġie infurmat li fi Triq il-Foss fil-Fgura instabet karozza bil-pjanċi ma jaqblux magħha. Qal li meta mar hemmhekk sab lill-akkużat u li l-vettura kienet irreġistrata fuq oħtu. Qal li ħadu l-pjanċi. L-akkużat qal li xtara l-pjanċi mingħand xi ħadd “naqa’ mibrum u għadu żgħir”. Qal li sabu lil sid il-karozza li spjega li l-karozza kienet ġiet mibjuha lil xi ħadd.

11.32am: Jixhed issa l-Pulizija Clayton Caruana stazzjonat l-RIU. Hu qal li fit-30 ta’ Ottubru 2017 kien xogħol night watch ma’ surġenti, qal li nnutaw vettura f’Santa Luċija li ġihom suspett li x-xufier kien żgħir. Qal li meta marru jaraw il-vettura ndunaw li l-pjanċi ma kienux tagħha. Qal li s-suspettat kellu sigarett u waddab is-sigarett barra mill-vettura. Instabu fuqu żewġ crushers u boroż tal-kannabis. Huma arrestawh, ħaduh l-għassa u fakkruh fid-drittijiet tiegħu.

11.28am: Jixhed issa Keith Lambert li qal li kien irrapporta l-karozza tiegħu li ġiet misruqa f’Diċembru tas-sena l-oħra. Qal li l-karozza kienet ipparkjata fl-ajruport. Qal li l-Pulizija sabulu l-karozza aktar tard, imma l-pjanċa kienet tneħħiet mill-karozza. Spjega li wara sar jaf li kienet instabet il-pjanċa. Qal li xtara l-karozza għal €800.

11.25am: Il-Qorti tikkonferma n-nomina tal-Professur Emmanuel Sinatra sabiex jiġi estiż l-inkarigu tiegħu biex jeżamina evidenza esebita mill-ispettur Malcolm Bondin.

11.20am: Jixhed l-ispettur Malcolm Bondin li rrakkonta kif f’każ separat fit-30 ta’ Ottubru tal-2017 twaqqfet vettura suspettuża u qal li kien hemm iż-żagħżugħ u tlieta oħra. Il-karozza kienet misruqa u misjuqa mill-akkużat. Qal li meta kien ġie mwaqqaf kienu sabu sustanzi suspettużi fuqu u l-istess għall-persuni li kien hemm miegħu. Hu kien interrogah u l-akkużat ammetta li kellu fuqu 12-il gramma kannabbis, hu kien qallu li jpejjep kuljum u qal li kien beda l-vizzju meta kellu disa’ snin għax allega li ommu kienet ittih il-kannabis biex jorqod.

11.17am: Jixhed issa r-rappreżentant ta’ Transport Malta, Stephen Cachia. Hu ntalab janalizza u jagħmel riċerka numru ta’ vetturi li ta d-dettalji tas-sidien tagħhom fil-Qorti.

11.10am: Jixhed l-ewwel il-Kirurgu ortopediku John Casalletto, stazzjonat l-Isptar Mater Dei. Spjega li kien on-call dakinhar tal-inċident u li kien mar jara lill-pulizija Simon Schembri. Qal li kien jidher li kellu ħafna ġrieħi, bl-iżjed waħda ovvja tkun idejh il-leminija, spjega li sa kellu għadam ħiereġ il-barra. Kellu ħafna ksur fil-kaxxa tas-sidher. Spjega li kien fil-periklu tal-mewt imminenti. Hu kellu x’jaqsam fuq il-ġrieħi ta’ idejh. Qal li għamel follow-ups. Qal li idejh kienet diġà mejta, ma kienx hemm ċans li jsalvawha. Qal li tilef in-nervituri kollha għal idejh u ma kienx hemm demm sejjer għal idejh. Qal li se jkollu bżonn aktar trattament

11.05am: Il-Qorti ħarġet digriet b’referenza għall-ordni ta’ superviżjoni temporanja li tat fit-28 ta’ Mejju 2018 fil-konfront tal-akkużat, filwaqt li tirringrazzja lir-rappreżentanta tal-uffiċċju tal-ħelsien mill-arrest u l-parole, tirrevoka l-inkarigu mogħti lilha u dan minħabba li fl-10 ta’ Lulju 2018 fid-deċiżjoni ta’ din il-Qorti l-ħati kien tpoġġa taħt ordni ta’ ħelsien mill-arrest għal tliet snin u għalhekk m’hemmx skop li jkun hemm is-superviżjoni temporanja, u dan biex ma jsirx xogħol doppju mill-istess uffiċċju, anke invista tar-riżorsi limitati.

11.03am: L-akkużat jidħol fl-awla.

Illum se tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront taż-żagħżugħ ta’ 17-il sena li qed jiġi akkużat bl-attentat qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri lura f’Mejju quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.

Iż-żagħżugħ tpoġġa taħt att ta’ akkuża wara li nstemgħet ix-xhieda ta’ Schembri li rrakkonta x’ħass u għadda minnu fil-15 ta’ Mejju. Fl-aħħar seduta li saret il-ġimgħa l-oħra, xhedu bosta Pulizija u tobba. Intalbu jixhdu wkoll omm u oħt l-akkużat madanakollu rrifjutaw li jagħmlu dan.