Filmat: “Il-ġejjieni huwa mċajpar mhux ħażin; nagħmlu l-qalb” – Il-Kardinal Grech

Read in English.

Il-Kardinal Mario Grech sostna li ħafna llum jinsabu mifxula għax fiċ-ċirkustanzi li qed ngħixu fihom minħabba l-pandemija, il-ġejjieni huwa mċajpar mhux ħażin. Hu kompla billi appella lill-pubbliku biex jagħmel il-qalb.

Hu qal dan fl-omelija waqt il-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr għall-Kreazzjoni bħala Kardinal fir-Rotunda parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, fix-Xewkija.

Il-Kardinal Grech sostna kif f’dan iż-żmien ta’ pandemija ħafna qed iħokku rashom għax qed jaraw ħafna mit-toroq ta’ quddiemhom jingħalqu. Hawn semma l-qagħda ekonomika li sostna qed toħloq għamliet ġodda ta’ faqar, partikolarment meta jkun hemm theddida li jintilef ix-xogħol; jew it-toqol tas-solitudni li qed jagħfas fuq dawk li, biex iħarsu s-saħħa tagħhom u tal-oħrajn, għażlu li jibqgħu ġewwa. Spjega li l-pandemija mhix l-unika sħaba sewda li taf tnissel qtigħ il-qalb. Qal li żgur li hemm fatturi oħra fil-ħajja personali, familjari u soċjali tagħna li jinkwetawna dwar x’għamla ta’ ġejjieni hemm għalina. “Għandi f’moħħi, ngħidu aħna, għadd ta’ familji tagħna fejn hemm il-problemi relazzjonali, fejn hemm il-mard serju. Ma jistax jonqos li dan it-tħassib jinħass ukoll dwar il-ġejjieni tal-komunità ekkleżjali f’pajjiżna meta naraw li kulma jmur il-prattika reliġjuża qiegħda tnin,” qal Mons Grech.

Quddies oħra ta’ radd il-ħajr nhar l-Erbgħa:
Quddiesa ta’ radd il-ħajr għall-ħatra tal-Kardinal Mario Grech

Hu appella sabiex kulħadd iqawwi qalbu. Spjega li din mhux l-ewwel darba fl-istorja li l-bnedmin għaddew minn mumenti ta’ diżorjentament u inċertezza. “Aħna li għandna l-benefiċċju li naqraw l-istorja tal-antenati tagħna, nistgħu ngħidu li kultant skussatura ma tagħmlix ħażin għax tgħinna nintebħu li ċerti stili ta’ ħajja u skemi li nkunu komdi fihom ikollhom bżonn ta’ aġġornament jew aġġustament,” kompla jgħid.

Hu semma każi speċifiċi, fosthom meta l-Lhud kienu fl-eżilju ta’ Babilonja. Spjega li fejn il-bniedem kien qata’ qalbu li jista’ jiżbokka, Alla ħa l-inizjattiva u niżel qrib tagħhom minkejja li kienu f’art ħarra – art li ma tipproduċi xejn, la materjalment u lanqas spiritwalment – biex filwaqt li jakkumpanjahom, jiftħilhom mogħdijiet ġodda li huma stess qatt ma kienu ħolmu.

Semma kif f’epoka oħra jibgħat lil Ġwanni l-Għammiedi li għandu kienet tmur il-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, li wkoll kienu jinsabu fi skjavitù reliġjuż. Il-Battista serva bħala żblokk lill-poplu ta’ Alla li kien “magħluq” f’reliġjożità mingħajr spirtu u jiftaħlu t-triq biex jiltaqa’ ma’ Ġesù.

“Meta Ġesù jgħammidna bl-Ispirtu s-Santu, il-bniedem ma jkunx biss maħsul minn dnubietu imma jigi mgħaddas fl-Ispirtu s-Santu. Hekk nieħdu sehem mill-ħajja stess ta’ Ġesù – mill-Ispirtu li għandu Ġesù. Meta tqis li l-Ispirtu jgħammar fina, min hu mgħammed għandu jgħasses fuqu nnifsu mhux biss biex jevita d-dnub imma wkoll biex jisma’ x’inhu jgħidlu l-Ispirtu. U meta l-imgħammda jinġabru flimkien bħala komunità ekkleżjali, għandhom il-grazzja li jisimgħu x’inhu jgħid l-Ispirtu lill-Knisja! Insib interessanti li biex jiftaħ triq biex Ġesù jinżel qrib tan-nies, Alla ma sejjaħx lil xi ħadd mill-ġerarkija reliġjuża ta’ dak iż-żmien, għax kien jaf li ħafna drabi qalbhom magħluqa għall-Ispirtu, imma għażel lill-Għammiedi li kien lajk qalbu mimlija biss b’dak li huwa meħtieġ!”

Il-Kardinal Grech qal li jkun dnub jekk minħabba n-nuqqas ta’ rispett, l-għira, is-suppervja, il-firdiet, tixxellef il-komunjoni ta’ bejnietna għax nitilfu l-opportunità li niddixxernu l-mogħdijiet inediti li l-Ispirtu s-Santu biss jaf ifassal u jipproponi.

Spjega li din hija waħda mit-toroq ewlenin li Ġesù fetaħ lill-poplu ta’ Alla: triq li tagħti ġejjieni għax toħroġna minn diversi sqaqien fl-oqsma kemm spiritwali u reliġjużi u kemm f’dawk umani, familjari u soċjali. Qal li biex ma niżbaljawx it-triq, huwa importanti li nimxu flimkien taħt il-gwida tal-ħabbar li għalina bħala djoċesi huwa l-Isqof. Min jagħżel li jimxi waħdu jew mal-grupp tiegħu jew tagħha, miftum mill-Isqof, ma jistax jasal ‘il bogħod.

Hu appella lill-pubbliku sabiex jitlob għalih ħalli jaqdi bil-fedeltà l-ministeru l-ġdid li fdalu l-Papa biex jiffaċilta lill-Knisja fil-mixja sinodali (mixja flimkien) ħalli tkun Knisja li, imdawla mill-Ispirtu s-Santu, tkun hija stess li timxi wara Ġesù fuq il-linji tal-Vanġelu u fl-istess waqt timxi l-mixja tan-nies, tifhem id-drammi tal-ħajja tagħhom u tgħinhom imiddu l-passi tagħhom f’direzzjoni li timlielhom qalbhom.

Spjega li huwa ta’ sodisfazzjon personali għalih li meta l-Papa Franġisku ħatru kardinal ma tahx djoċesi titulari oħra, imma ħallieh Isqof emeritu ta’ din id-Djoċesi Għawdxija. Qal li għalih dan huwa impenn ieħor biex jibqa’ jġorr lil din il-komunità fil-qalb paterna tiegħu. “Kif diġà kelli l-okkażjoni nagħmel, illum nerġa’ nqiegħed is-sejħa u l-missjoni tiegħi taħt il-ħarsein matern tal-Madonna Ta’ Pinu,” temm jgħid il-Kardinal Grech.