Filmat: “Iċ-ċertifikat tal-vapur validu” – Il-Kaptan tal-Lifeline

Il-Kaptan tal-bastiment MV Lifeline Claus-Peter Reisch dalgħodu preżenta r-rikonoxximent li ngħata mill-Partit Soċjalisti Demokratiċi fil-Parlament tal-Bavarja fil-Ġermanja lill-Qorti. Huwa ngħata dan ir-rikonoxximent għall-ħidmietu fis-salvataġġ.

Fil-Qorti ġie preżentat rapport tekniku dwar il-bastiment kif ukoll rapport dwar l-aċċess li kien sar fuq il-bastiment. Ir-rapport tista’ tarah hawn.

L-avukat tad-difiża Cedric Mifsud ressaq talba f’isem Reisch biex dan ikun jista’ jmur lura l-Ġermanja u jiġi lura għas-seduta li jmiss fit-23 ta’ Awwissu.

Reisch, 57, qed jiġi akkużat li injora struzzjonijiet mill-awtoritajiet Taljani li jikkordinaw il-ħidmiet ta’ salvataġġ fil-Mediterran, li talbuh imur lura fil-Libja, li saq bastiment mhux reġistrat u li daħal bla permess fl-ibħra territorjali Maltin. Il-Kaptan kien ingħata l-libertà proviżorja. Huwa parti minn organizazzjoni mhux governattiva Lifeline li taħdem fit-tfitxxja u salvataġġ ċivili. Il-bastiment huma miżmum Malta minħabba l-każ, iżda żewġ bastimenti oħra, Seefuchs u Sea Watch Vessel 3 tal-għaqdiet Sea-Eye u Sea Watch rispettivament ukoll inżammew Malta mingħajr ma ngħataw spjegazzjoni. L-ajruplan ta’ Sea Watch, Moonbird, ukoll ma tħalliex itir minn Malta.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.

Claus Peter Reisch barra mill-Qorti jitkellem dwar ir-rikonixximent li nghata

Posted by Newsbook.com.mt on Monday, July 30, 2018

Il-kawża ġiet aġġornata għat-23 ta’ Awwissu 2018.

10:30 Jixhed il-Kurunell Alexander Dalli. Huwa ppreżenta r-rapport b’ritratti tal-aċċess li sar fuq il-vapur, nhar l-10 ta’ Lulju 2018.

10:24  Saret talba fil-Qorti biex tawtorizza lill-ekwipaġġ u jingħata l-pitrolju l-bastiment sabiex ikun hemm l-arja kkundizzjonata, issir manutenzjoni fuq il-bastiment u biex jiġu sostitwiti l-fire extinguishers. Il-Maġistrat Mifsud qal li filwaqt li l-Qorti tilqa’ t-talba, importanti li dan isir bi ftehim mal-Pulizija biex kollox jimxi sew.

10:17 Jibda jixhed Dr Martin Bajada fuq ir-riċerka diġitali li saret fuq il-bastiment. Huwa ppreżenta rapport quddiem il-Qorti.

10:14 Claus-Peter Reisch ingħata premju mill-Parlament Ġermaniż fil-Bavarja talli salva l-ħajjiet. Id-difiża tinforma l-Qorti li Partit Soċjalist Demokratiku fil-Parlament tal-Bavarja ta rikonoxximent lil Reisch ta’ xogħlu, speċjalment fil-qasam tas-salvataġġ u ħidmietu mal-bastiment tal-Lifeline.

10:10 Saret talba mid-Difiża biex Reisch jitħalla jsiefer. Il-Maġistrat aċċetta, b’garanzija ta’ €5000.

Ninsabu fl-Awla 24 fejn se jkompli jinstema’ l-każ tal-Kaptan tal-bastiment MV Lifeline Claus-Peter Reisch. Wara li l-Qorti laqgħet ir-rikors imressaq mid-difiża tiegħu huwa tħalla jmur lura lejn il-Ġermanja u ġie lura Malta lbieraħ.

Il-Qorti diġà semgħet kif il-bastiment tħalla jidħol fuq bażi umanitarja u mhux għax Malta riedet toffri post sigur.

Il-bastiment MV Lifeline daħal fir-Rampa tal-Isla b’234 immigrant abbord f’Ġunju li għadda. Uħud mill-immigranti li daħlu abbord il-bastiment diġa ġew trasferiti lejn pajjiżi li aċċettaw jidħlu fil-ftehim ad hoc li sar. Ilbieraħ grupp mill-persuni li waslu abbord l-MV Lifeline telqu lejn il-Portugall fejn se jkunu qed jibdew ħajja ġdida. 

Reisch, Ġermaniż ta’ 57 qed jidher quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud wara li ġie interrogat mill-Pulizija. Huwa qed jiġi akkużat li injora struzzjonijiet mill-awtoritajiet Taljani li jikkordinaw il-ħidmiet ta’ salvataġġ fil-Mediterran, li talbuh imur lura fil-Libja, li saq bastiment mhux reġistrat u li daħal bla permess fl-ibħra territorjali Maltin. Il-Kaptan kien ingħata l-libertà proviżorja.

Id-difiża hi magħmula minn Gianluca Cappitta, Neil Falzon u Cedric Mifsud.