Filmat: “Ċert li l-PM waqqaf lil Prof. Gauci milli tieħu xi miżuri” – Grech

IL-KAP TAL-PN BERNARD GRECH F'INTERVISTA MA' QUINTON SCERRI

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Bernard Grech intervistat mill-preżentatur tax-Xandir tal-Istat Quinton Scerri.

Posted by Partit Nazzjonalista on Sunday, October 18, 2020

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Prim Ministru Robert Abela missu jħalli f’idejn is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci biex tieħu d-deċiżjonijiet, mhux jieħu d-deċiżjonijiet hu abbażi tal-voti li hu ffissat fuqhom. Huwa qal li jinsab ċert li Prof. Gauci riedet tieħu xi deċiżjonijiet, iżda l-Prim Ministru opponiehom.

Dan qalu dalgħodu waqt intervista li saritlu minn Quinton Scerri fuq il-programm Sabiex Nirnexxu fuq NET TV.

Fuq l-istess vena, il-Prim Ministru dalgħodu qal li l-pandemija m’għandhiex tintuża biex jiġu skurjati gowls politiċi. Filwaqt li Dr Grech maqdar kif il-Gvern qed jaffaċċja l-pandemija, Dr Abela qal li minkejja l-għadd ta’ każijiet u mwiet, Malta għandu jkollha ċertifikat ta’ kemm imxiet sew tul din il-pandemija. Huwa qal li t-tbassir ta’ eluf ta’ mwiet f’Malta bil-pandemija ġie reżistit.

X’qal il-PM fuq il-pandemija u l-baġit?
Filmat: “Aktar vawċers fil-baġit t’għada” – Abela

Il-Kap tal-PN qal li s-sitwazzjoni kurrenti tal-coronavirus hija tort ta’ Robert Abela, billi ma qalx il-verità lill-pubbliku, billi naqas milli jinforza l-miżuri u billi ta lin-nies l-idea li kollox business as usual. Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista qed ikun realistiku meta jmaqdar kif il-Gvern qed jaffaċċja l-pandemija. Saħaq li Abela kien moħħu li jgawdi s-sajf, u naqas meta mar idur bid-dgħajsa jew meta ħa s-selfies man-nies. Huwa missu kien qed jagħti eżempju, qal Grech.

Fil-fehma tal-Kap tal-PN, il-perjodu fis-sajf meta l-każijiet tal-coronavirus kienu naqsu missu ntuża sabiex isir pjan għal meta jerġgħu jiżdiedu l-każijiet. Qal li ma nistgħux ninsew dak li għaddejna minnu fil-bidu tal-pandemija, minn Marzu sa Mejju, peress li jekk ninsew jaf naffaċċjaw l-istess sitwazzjoni u dan ma jkunx ġust ma’ dawk li sofrew, li kellhom il-virus, li tilfu xogħolhom jew li kellhom jagħlqu n-negozju tagħhom.

Din il-ġimgħa, Grech ħabbar li għaqqad tim ta’ azzjoni sabiex dan joħloq pjan biex jikkumbatti l-coronavirus.

Bernard Grech qal li l-proposta tiegħu li jkollu Viċi Kap mara għandha tiġi diskussa fl-istrutturi tal-Partit, u jekk tiġi approvata, se tiġi implimentata wara elezzjoni ġenerali. Semma l-appell tiegħu lill-Prim Ministru Robert Abela biex isejjaħ elezzjoni ġenerali meta jkun il-mument opportun għall-pajjiż u mhux għall-Gvern Laburista jew għall-Partit Laburista.

Fuq l-immigrazzjoni, Grech qal li inutli tistieden lin-nies biex jiġu jaħdmu f’Malta, iżda trid tara kif se tgħajjixhom u x’se tagħmel bihom ladarba ma jkollokx bżonnhom aktar.