Filmat: Tlabna għar-riżenja ta’ Parnis għax “kważi tmejjel bil-weġgħat tan-nies” – Grech

Read in English.

Intervistat fuq Net FM

Intervista li għamilli l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Errol Cutajar fuq NET FM.

Posted by Bernard Grech on Sunday, December 13, 2020

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar ir-reshuffle tal-Kabinett li wettaq il-Prim Ministru Robert Abela. Silvio Parnis tilef il-kariga tiegħu ta’ Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, u dan wara li Grech kien semma’ leħnu diversi drabi fuq dik li sejħilha l-inkompetenza ta’ Parnis minħabba l-mod kif infirex il-coronavirus fid-djar tal-anzjani. Il-Partit Nazzjonalista kien talab għar-riżenja ta’ Silvio Parnis.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dalgħodu ġie intervistat fuq NET FM mill-kandidat Nazzjonalista Errol Cutajar. Fl-intervista huwa rrifletta fuq is-sena 2020 – x’fissret għalih personalment, għall-Partit Nazzjonalista u għal Malta u Għawdex. Tkellem fuq l-aspirazzjonijiet tiegħu għas-sena li ġejja, partikolarment fuq kif Malta tista’ tkompli taffaċċja l-pandemija tal-Covid-19.

Mistoqsi dwar ir-reshuffle, Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qed jirnexxilu jifhem sewwasew x’qegħdin iħossu u jaħsbu n-nies, u kien għalhekk li talbu għar-riżenja ta’ Silvio Parnis, għax ħassew li “falla, kważi tmejjel bil-weġgħat tan-nies.”

Din il-ġimgħa Parnis inħatar President tal-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Soċjali. 

Madankollu, Grech jara inkompetenza f’diversi nies oħra fil-Kabinett, u fil-Prim Ministru nnifsu. Qal li bir-reshuffle, Abela wera kemm hu tassew inkompetenti peress li bidel l-irwoli tal-Ministri tiegħu 10 xhur biss wara li kien ħabbar il-Kabinett tiegħu, li ftaħar li kien l-aqwa Kabinett fl-istorja ta’ Malta. Skont il-Kap tal-Oppożizzjoni, dan l-aġir juri li l-Gvern stess irrikonoxxa li kien hemm inkompetenza.

Stqarr li jekk l-Oppożizzjoni twettaq reshuffle, ikun biss għax iridu jirrispondu għat-tibdiliet li seħħew fil-Gvern, mhux għax hemm xi membri parlamentari li huma inkompetenti.

Ir-reazzjoni ta’ Grech għar-reshuffle
Filmat: Abela ammetta li falla bir-reshuffle – Grech

“Meta jasal il-vaċċin xorta rridu nkunu responsabbli”

Dwar il-pandemija, Grech qal li bla dubju din iddominat ħajjet il-Maltin u l-Għawdxin din is-sena. Imma mad-deni li ġabet magħha, ġabet ukoll il-ġid li n-nies għarfet x’inhu verament importanti: il-valur tal-flus, tal-ħin u tal-familja. Madankollu, huwa xorta stqarr kemm hu dispjaċut meta jara familji mifrudin minħabba l-Covid-19. Saħaq li filwaqt li tajjeb li wieħed joħroġ u jiċċelebra, kulħadd għandu jżomm f’moħħu lil dawk li qegħdin ibatu.

Huwa wera tama li ladarba jasal il-vaċċin, dan jitqassam kif imwiegħed u jasal għand kulħadd meta mistenni. Għamel appell, iżda, biex meta wieħed jieħu l-vaċċin jibqa’ jagħmel dmiru u xorta jsegwi r-regolamenti tal-awtoritajiet tas-saħħa, u mhux jaħseb li jekk jieħu l-vaċċin jista’ jibqa’ għaddej bil-ħajja ta’ kuljum.

“Tlift il-libertà imma għandi sodisfazzjon kbir”

Hu u jirrifletti fuq kif inbidlet ħajtu tul din l-aħħar sena, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li tilef il-libertà b’dan l-irwol ġdid li beda jokkupa. Minkejja dan, stqarr li xejn ma jisboq is-sodisfazzjon li jkollu meta jara li dak li qed jagħmel iħalli l-frott. Fil-mument li ħa d-deċiżjoni li jpoġġi ismu ‘l quddiem għal kull eventwalità, ħajtu nbidlet totalment, qal Grech.

Tkellem fuq kif il-Partit Nazzjonalista kellu avvanzi kbar, b’mod partikolari bl-għaqda fil-partit. L-akbar kisba, qal Grech, hija li issa l-Partit Nazzjonalista jidher magħqud ukoll għan-nies li mhumiex fih. Tant hu hekk, żied jgħid, li l-avversarji tal-PN qed jippruvaw joħolqu firda. Huwa semma wkoll kif il-partit għaddej minn tiġdid sħiħ, fil-fergħat u bi rwoli okkupati minn nies ġodda.

Fis-sena li ġejja, Grech irid li l-Partit Nazzjonalista jkompli jiġġedded u jifhem in-nies verament xi jridu u x’qegħdin iħossu. Fisser li hu stess irid ikun aktar aċċessibbli għan-nies, għax “kultant in-nies kulma jridu rikonoxximent li aħna nafu li jeżistu, in-nies kulma trid Partit Nazzjonalista li hu ħabib li jisma’ l-weġgħat, irridu nkunu qalbna tħabbat man-nies hemm barra.” Apparti dan, il-Kap qal ukoll li fl-2021, iridu jkomplu jikkonvinċu lin-nies li huma ta’ min jafdahom u li jistgħu jkunu Gvern alternattiv.