Filmat: Il-vittma l-veru hu min iħallas it-taxxi – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-vittma l-veru huwa min iħallas it-taxxi.

Delia qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tal-partit tiegħu, NET TV. Tkellem waqt maratona ta’ ġbir ta’ fondi għall-PN.

Skont Delia l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna jkun qed jidħak bin-nies meta jgħid li m’għandux x’jaqsam ma’ ċertu proġetti. Ikkritikah talli ddeskriva lill-Gvern bħala vittma. Delia qal li l-vittma l-veru huwa min qed iħallas it-taxxi peress li kien il-Prim Ministru flimkien mal-Ministri u l-konsulenti tiegħu li telgħu jagħmlu l-ftehimiet fil-Montenegro.

Delia qajjem id-dubji tiegħu dwar kif il-PM Robert Abela, l-eks PM Joseph Muscat, il-Ministru għall-Finanzi, u l-Kummissarju tal-Pulizija kollha allegatament ma kienu jafu b’xejn. Saħaq li issa hemm min kien involut li qed jattakka lil ħaddieħor.

Mistoqsi dwar l-allegazzjoni li l-Gvern Malti jrid estensjoni tar-rapport tal-MONEYVAL, Delia qal li din mhix xi ħaġa marbuta biss mal-Unjoni Ewropea. Spjega li l-eżami jinvolvi analiżi minn esperti li jixhdu li pajjiż ikun sigur biex wieħed jinvesti fih. Delia qal li r-riżultat tal-MONEYVAL ikollu impatt fuq settur li jħaddem l-eluf f’Malta. Kompla jgħid li Malta trid tagħmel ħilitha biex ma tgħaddix minn trawma.

Tkellem ukoll dwar il-gazzetta tal-PN in-Nazzjon. Qal li meta kien żgħir jiftakar lill-familja tiegħu tiddiskuti jekk missieru għandux jieħu l-gazzetta fuq il-post tax-xogħol. Saħaq li min kien jagħmel hekk kien ibati konsegwenzi. Spjega li min kien iġorr in-Nazzjon kien iġorrha bħala emblema ta’ dak li jemmen fih. Saħaq li jekk wieħed ma jistax jesprimi ruħu, is-soċjetà kif jafuha n-nies tkun spiċċat.

Delia tkellem ukoll fit-tibdil tal-istatut tal-PN li qal li jwassal aktar il-messaġġ tal-partit u li jpoġġi lin-nies fuq quddiem.

Sa meta spiċċat l-intervista ta’ Delia, il-PN kien laħaq ġabar €276,065.

Fi stqarrija l-PN qal li talba għal estensjoni ta’ sitt xhur turi li minkejja li l-Gvern il-ħin kollu jgħid li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu, dan mhuwiex il-każ.

Il-PN qal li l-Gvern mhux qed ikun trasparenti dwar il-Moneyval u li mhux qed iqajjem is-suġġett fil-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ċaħad li Malta kienet qed titlob għal estensjoni.