Filmat: Delia jistenna lill-Gvern iwieġeb fil-pubbliku dwar il-jet privat

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li qed jistenna lill-Gvern iwieġeb fil-pubbliku dwar l-iskandlu tal-business jet privat li nġab minn Sqallija bil-membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar, Adrian Delia qal li l-Prim Ministru qal li dan il-każ mhux aċċettabli iżda skont Delia la qal x’mhux aċċettabbli u wisq anqas x’passi se jieħu dwar dan il-każ.

It-Tlieta 25 ta’ Settembru, Newsbook.com.mt żvela b’mod esklussiv kif Jacqueline Gili, membru tal-bord, ġiet Malta għal 12-il siegħa b’business jet privat u wara li ma lissnet l-ebda kelma tul laqgħa ta’ sitt sigħat, ivvutat biex jinbena f’Pembroke proġett deskritt minn diversi eNGOs bħala ‘mostruż’. Il-business jet privat sewa €8,750 minkejja li dakinhar kien hemm titjira regolari tal-Air Malta li kienet tiswa madwar €210. 

Adrian Delia qal li l-pubbliku ma jafx fejn qed jintefqu l-flus tal-Awtorità tal-Ippjanar fosthom jekk hux f’parkeġġi, planning gain jew tisbieħ ieħor. Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, Delia qal li jista’ jkun il-każ li kien hemm drabi oħra li ntuża l-jet privat u għalhekk staqsa kemm qed jintefqu flus fuq l-ivjaġġar.

Il-konferenza tal-aħbarijiet saret fl-isfond tal-iskandlu tal-kontroversja tal-proġett tal-Grupp db. Il-proġett ġie approvat mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar fl-20 ta’ Settembru wara li 10 ivvutaw favur u 4 kontra.

Delia diġà qal li hemm bżonn ta’ “inkjesta indipendenti” fuq dan il-każ fl-istess waqt li ma’ Newsbook.com.mt qal li l-Ministru Ian Borg huwa responsabbli għall-Awtorità tal-Ippjanar u għalhekk hu responsabbli wkoll li jwieġeb il-mistoqsijiet dwar il-każ tal-business jet privat li bih inġabet Malta il-membru tal-Bord tal-Awtorità.

Graffiti jgħidu li l-istqarrija tal-Kap Eżekuttiv hija skuża

Moviment Graffiti qal li l-iskuża li ġab il-Kap Eżekuttiv Johann Buttigieg biex jiddefendi d-deċiżjoni li ttieħdet biex Jacqueline Gili tinġieb Malta b’jet privat hija redikola. Huma qalu li ma jistgħux jifhmu kif Buttigieg jista’ jitwemmen bil-istqarrija li għamel meta qal li dan sar b’intenzjoni tajba.

Fil-każ dwar il-proġett tad-DB, il-kworum biex il-laqgħa tkun tista’ ssir kien intlaħaq u b’hekk ma kienx hemm bżonn li Gili tinġieb Malta b’mod urġenti. Il-Moviment Graffiti qal li xi ħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà dwar il-kunflitt ta’ interess li għandhom membri oħra tal-bord bħal Clayton Bartolo u Matthew Pace. Skont Graffiti, l-Awtorità tal-Ippjanar tilfet il-kredibiltà kollha. Innutaw ukoll li Gili, l-membru tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, regolarment tkun assenjata għal-laqgħat tal-bord. Hija kienet assenjata b’kollox 29 deċiżjoni.