Filmat: Budget 2018: “Lesti ngħinu Gvern bla pjan” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, qal li l-Baġit huwa prova li l-Gvern ma għandux pjan u qal li l-Oppożizzjoni lesta li tgħin lill-Gvern u mhux tikkritika biss.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Adrian Delia qal li l-Baġit ma’ qal xejn dwar sfidi li qed jiffaċċja l-pajjiż, fosthom il-prezzijiet tal-kera.
 “Il-Gvern ħasel idejh minn din il-problema,” qal Adrian Delia.
Tkellem l-iżjed dwar il-pensjonanti, it-traffiku, l-edukazzjoni u t-turiżmu u qal li dwarhom il-Baġit kważi ma jgħid xejn.
Dwar il-pensjonanti staqsa x’se jagħmlu b’€2 fil-ġimgħa u x’mediċina se jixtru b’din iż-żieda.
Meta tkellem dwar l-edukazzjoni, qal li mhux biżżejjed li l-Gvern iħallas nofs l-ispiża għall-eżemijiet tal-Matsec u ħeġġu jindirizza l-problema tal-early school leaving għax fi kliemu teżisti kriżi fl-edukazzjoni.
Dwar it-traffiku, Dr Delia qal li l-Baġit ma jsemmi xejn fuq l-infrastruttura tal-pajjiż u li kien jistenna li l-Gvern ikollu pjan aħjar biex jibda jirranġa t-toroq fuq medda ta’ 7 snin kif wieħed qabel l-elezzjoni.

Huwa u jitkellem dwar it-turiżmu, saħaq li kien jistenna li dan il-Baġit jitkellem iżjed fid-dettall fuq is-sitwazzjoni u l-pjan tiegħu għall-Air Malta.
Dr Delia qal ukoll li l-Baġit nesa għal kollox il-ħaddiema tal-manifattura, il-bdiewa, is-sajjieda, il-Kunsilli Lokali u se jħalli l-familji Maltin iħallsu fost l-ogħla prezzijiet għall-petrol u d-diesel
Minbarra l-proposta dwar iżjed għelieqi tal-pannelli solari, Adrian Delia qal li l-baġit ma jsemmi xejn dwar il-futur tal-enerġija f’pajjiżna.
Staqsa x’sar minn proposti għal Għawdex, fosthom il-fast ferry, il-casino u anke t-terminal għall-cruise liners.
Fid-dawl tal-Valletta 2018, meta Malta se jkollha l-kapitali Ewropea tal-Kultura, Delia qal li kien jistenna mqar proposta waħda fuq il-kultura.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar is-sigurtà tal-pajjiż u qal li fuq il-kriminalità, il-Baġit baqa' sieket u wissa dwar ir-riskju li Malta tispiċċa l-Kapitali tal-iskjavitù modern.
Dwar iż-żieda għall-għoli tal-ħajja qal li din ma tirriflettix is-surplus u li kien jistenna reviżjoni fil-mekkaniżmu li jikkalkulaha (il-COLA).
Adrian Delia faħħar dawn il-proposti:

  • Ġurnata leave żejda mis-sena d-dieħla
  • Għajnuna sa’ €10,000 lill-koppji li jaddottaw
  • Studju għal transport b’xejn minn u lejn l-iskejjel kollha
  • L-iskema għall-Community Workers

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar x’kellu jagħmel il-Gvern biex il-Baġit jirrifletti s-surplus, Adrian Delia qal li l-ġid ma joħolqux il-Gvern iżda l-ħaddiem u għalhekk l-għan tal-Gvern hu li joħloq setturi u opportunitajiet oħra, u insista li l-Baġit naqas milli jagħmel dan.
"Adrian Delia bi proposta waħda li żżid il-piż" – PL
Fir-reazzjoni tiegħu għal din il-konferenza, il-Partit Laburista qal li l-proposta ta' Adrian Delia favur il-pensjoni tat-tieni pilastru, iżżid il-piż fuq il-ħaddiem u fuq min iħaddem. 
Ikkritika wkoll il-fatt li Delia ma jafx kemm hu l-prezz tal-fuel u li għadu ma fehemx li l-Gvern naqqas il-piżijiet u mhux żidhom.
Temm jgħid li filwaqt li Delia qal li jrid jgħin il-Gvern, għadu qed jirrifjuta li jinnomina membru fuq il-Kumitat tal-Iskart.