Filmat: Il-Gvern nesa lill-11,000 ħaddiem li tkeċċew – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Gvern qed jibgħat lura l-poplu għax-xogħol u jinsa l-11,000 persuna li tkeċċew.

Dwar il-qagħad fil-pajjiż, Delia spjega li l-Gvern mhux qed ikun trasparenti u mhux qed jgħid il-verità. Qal li meta l-Gvern jgħid li issa l-pajjiż ġie lura għan-normal u kulħadd jista’ jmur lura għax-xogħol u qed jinsa lill-11,000 persuna li spiċċaw bla xogħol. Delia staqsa “l-għajnuniet tal-Gvern fejn kienu? X’kien qed jixprunaw?”

Skont Delia, il-Gvern ma messux qed juża l-kliem “ħa nonfqu” imma messu qal “ejja ninvestu”. Qal li dan huwa l-unika mod li l-Gvern jara li l-ekonomija timxi fil-pajjiż. Sostna li b’hekk il-Gvern jidher li m’għandux viżjoni u ma jafx modi differenti kif tista’ tikber l-ekonomija.

Delia insista li hemm bżonn li l-pajjiż jingħaqad b’mod sħiħ biex jara xi trasformazzjoni trid issir biex tingħata spinta lill-ekonomija. Semma li l-pajjiż irid jara kif se juża’ t-teknoloġija biex isaħħaħ l-ekonomija. Irrimarka li l-Gvern messu qed juża’ aktar il-vantaġġ kbir li għandha Malta, li huwa pajjiż żgħir. Qal ukoll li l-poplu Malti huwa poplu bieżel li kapaċi mill-ftit jikkrea l-ħafna.

B’referenza għal dak li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela fejn jidħol il-ftuħ tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-1 ta’ Lulju, Delia qal li minkejja li l-Gvern se jiftaħ il-fruntieri tal-pajjiż ma ħabbarx setturi ekonomiċi ġodda li Malta se tkun qed tinvesti fihom biex tatratta t-turisti wara l-coronavirus.

Delia appella mill-ġdid lill-gvern biex jiltaqa’ mal-Oppożizzjoni u jisma’ u jiddiskuti t-triq ‘il quddiem għall-ekonomija Maltija.

“Stennejt li l-PM jitkellem dwar il-Lbja”

Delia qal li wara li l-Prim Ministru Robert Abela ġie lura mil-Libja, hu stenna li dan jagħmel konferenza tal-aħbarijiet filgħaxija biex jgħid lill-poplu dwar dak li kien diskuss. Delia insista li l-poplu jixraqlu li jifhem eżatt x’kien diskuss u għaliex saret din iż-żjara. Qal li n-nuqqas ta’ trasparenza hija karatteristika tal-Gvern Laburista.