Filmat: “Tibqax tidħak bin-nies; mhux veru kollox taħt kontroll” – Grech lil Abela

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dalgħodu appella lill-Prim Ministru Robert Abela biex ma jibqax jidħak bin-nies u jgħid li kollox taħt kontroll fejn tidħol l-imxija tal-coronavirus f’Malta. Sostna li huwa ċar li mhuwiex kollox taħt kontroll meta n-nies qegħdin imutu, u Malta qed ikollha mal-100 każ ġdid ta’ kuljum.

Dan qalu huwa u jindirizza attività politika fiż-Żurrieq, li jagħmel parti mill-ħames distrett, li Grech ħabbar li huwa se joħroġ fuqu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Grech qal li kulħadd jaf li l-Prim Ministru kien “immatur, skorrett u daħak bil-Maltin u l-Għawdxin meta qalilna, ‘Morru gawdu għax jien ukoll irrid ingawdi.'” Stqarr li kieku hu kien minfloku, kien jgħid il-verità lin-nies, li f’Lulju l-eqqel tal-pandemija kien għadda, imma ma stajniex nilludu ruħna li l-pandemija għaddiet għalkollox. Saħaq li kieku hu kien jappella għar-responsabbiltà. Il-Kap tal-PN sostna li l-politiċi għandhom l-obbligu li jgħidu l-verità lin-nies, għax inkella jaslu f’punt fejn ikomplu jmutu n-nies li setgħu jiġu salvati.

Il-messaġġ ta’ Grech il-ġimgħa li għaddiet
“Mal-ħajja tan-nies ma tibbluffjax” – Bernard Grech

“L-anzjani l-iskjavi ta’ żmienna”

“Ħadd m’għandu jmut qabel żmienu, m’għandu jiċċaħħad mill-kura minħabba l-età, għax għandu mard jew kundizzjonijiet oħra, ħadd m’għandu jitħalla f’rokna mingħajr ma jingħata l-għajnuna għax m’hemmx biżżejjed mezzi u ħaddiema,” issokta jgħid Grech. Tkellem ukoll fuq l-importanza li l-anzjani jitħallew f’dinjità, għaliex dawn saru qishom “l-iskjavi jew il-ħabsin ta’ żmienna.” Huwa stieden lill-Prim Ministru biex, mingħajr ma jkun “ċiniku jew bully,” joħloq servizzi ġodda biex l-anzjani ma jibqgħux waħedhom, u ma jibqgħux jeżistu biss, f’dan iż-żmien diffiċli.

Sellem il-memorja ta’ Renald Falzon, is-Sindku ta’ Ħal Qormi li miet din il-ġimgħa meta kellu l-Covid-19. Qal li m’hemmx bżonn ikun jafu, għax huwa bniedem bħalu li jixraqlu dinjità. Appella lill-politiċi biex ma jibqgħux b’idejhom marbutin u b’ħalqhom magħluq imma biex verament jiġġieldu l-pandemija kif jistgħu.

Il-ħames distrett: “Irrid nuri kemm nemmnu fin-nies tan-naħa t’isfel”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, huwa se jikkontesta fuq il-ħames distrett minkejja li l-Partit Nazzjonalista mhux b’saħħtu hemmhekk, iżda b’din l-azzjoni, hu jrid juri kemm hu u l-partit jemmnu fin-nies tan-naħa t’isfel ta’ Malta. Din se tkun l-ewwel darba li kap tal-PN se jikkontesta fuq dan id-distrett.

Sostna kemm il-PN jemmen fil-ħaddiem, u qal li l-Gvern rema għalkollox lill-ħaddiem biex ħaddan lill-kriminali. Ħoloq ekonomija li ħadmet, imma ħadmet aktar għal dawk li għandhom il-flus. Dwar l-elezzjoni, qal ukoll li qed jiġru wara l-partit aktar kandidati friski u żgħażagħ.

Fuq dan il-lat, insista li hu jrid partit żagħżugħ, li jeħtieġ li jibnu fuq l-esperjenza u l-maturità tal-politiċi imma ma jridux jibżgħu jinbidlu u jissaħħu.

Grech tkellem ukoll fuq Roberta Metsola li din il-ġimgħa nħatret Viċi President tal-Parlament Ewropew, l-ogħla kariga li qatt okkupat persuna Maltija fl-Unjoni Ewropea. Appella lill-Prim Ministru biex jifirħilha, u mhux tintuża l-midja Laburista biex twaħħal dak kollu ħażin li jkun għaddej f’Malta fil-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti, jew fl-UE. Temm billi appella lill-Gvern sabiex jaħdmu id f’id ħalli jmexxu ‘l quddiem il-liġi tal-mekkaniżmu tas-sessi fil-politika bi proċess ġust, sabiex l-elezzjoni li jmiss tkun waħda tajba u ħielsa.