Filmat: Il-PM ħataf il-midja nazzjonali – Il-Kap tal-Oppożizzjoni

Mhux se nippermettu li l-ġurnaliżmu jissikket u jkompli l-ħtif tax-xandir nazzjonali - Konferenza tal-Aħbarijiet mill-Kap tal-PN Adrian Delia dwar ix-xandir nazzjonali

Mhux se nippermettu li l-ġurnaliżmu jissikket u jkompli l-ħtif tax-xandir nazzjonali - Konferenza tal-Aħbarijiet mill-Kap tal-PN Adrian Delia dwar ix-xandir nazzjonali

Posted by Partit Nazzjonalista on Friday, August 21, 2020

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia akkuża lill-Prim Ministru bi ħtif tal-midja nazzjonali, li biddilha fi pjattaforma politika li jużaha biex jattakka lill-Oppożizzjoni.

Delia indirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar ix-xandir pubbliku, flimkien mal-Avukat Errol Cutajar u l-ġurnalist Dione Borg.

Dan wara li nhar it-Tnejn li għadda, l-istazzjon pubbliku televiżiv Television Malta u l-istazzjon tar-Radju tal-PBS, Radju Malta, kellhom jaqtgħu t-trażmissjoni ma’ tmiem id-diskors tal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Superintendent għas-Saħħa Prof. Charmaine Gauci. Min kien qed isegwi x-xandira diretta fuq dawn l-istazzjonijiet, ma setax ikompli jsegwi l-parti fejn jistaqsu l-ġurnalisti. B’reazzjoni għal dan, l-IĠM qal li l-Awtorità tax-Xandir qed tisforza lill-PBS jiċċensura l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.

Fil-konferenza, Delia sostna li bħall-Maltin u l-Għawdxin, l-Oppożizzjoni tippretendi li x-xandir pubbliku jkun imparzjali, iżda “Robert Abela ma jridx hekk, irid media blackout, irid jaħtaf il-midja nazzjonali u l-ġurnalisti.” Skont Delia, il-ħtif tax-xandir huwa parti mill-kultura tal-Gvern Laburista. Minflok xandir li jinforma u jeduka, Abela qed jipprova jużah għall-benefiċċju tiegħu.

Issemma wkoll kif illum tħabbar li saħansitra l-programm Xarabank twaqqaf, programm ta’ ġrajjiet kurrenti, ippreżentat minn Peppi Azzopardi, li kien ilu għaddej 23 sena. Għalkemm forsi mhux kulħadd jaqbel mal-istil ta’ dan il-programm, fi kliem Delia, kien “l-iżjed programm ta’ diskussjoni f’Malta kollha li kien jagħti ċans lil kulħadd.”

Delia qal li l-Partit Laburista kellu għal dan il-programm, b’boycotts u stqarrijiet goffi dwaru.Huwa stqarr li jittama li din mhix mossa oħra tal-Gvern biex jibqa’ għaddej bil-ħtif tax-xandir nazzjonali.

Xarabank jitqaċċat minn fuq it-TV wara 23 sena
Xarabank jitneħħa mill-istazzjon nazzjonali

Delia insista li biex issir riforma sħiħa tax-xandir, hemm bżonn tissaħħaħ l-Awtorità tax-Xandir. Jeħtieġ li l-Awtorità jkollha panel ta’ nies serji u kompetenti, li jinħatru b’vot taż-żewġ terzi tal-Parlament.

Il-PN ressaq proposti dwar il-ġurnalisti, sabiex isir fond li jitmexxa b’mod indipendenti mill-Gvern li jgħin liż-żgħażagħ jidħlu għall-professjoni ta’ ġurnalisti, u anke fond biex jgħin lid-djar tal-midja indipendenti.

Il-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista Dr Bernard Grech talab laqgħa mal-Awtorità tax-Xandir, iżda din irrifjutat il-laqgħa peress li Grech m’għandux kariga uffiċjali.